Id-Deputat Laburista, Naomi Cachia, inħatret b’vot unanimu bħala Viċi President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa waqt plenarja li qed issir fi Strasburgu.
Flimkien ma’ tmintax-il membru ieħor minn pajjiżi differenti, persuni f’dan l-irwol ikollhom vuċi aktar b’saħħitha fl-organizzazzjoni u l-aġenda li tadotta din l-istess Assemblea.
Din l-Assemblea tlaqqa’ flimkien Membri Parlamentari eletti mill-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa u żżomm djalogu kontinwu mal-Gvernijiet Ewropej dwar kwistjonijiet li jmissu mad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi u s-saltna tad-dritt.