Id-Deputata u Whip tal-Gvern Naomi Cachia ġiet maħtura rapporteur għaż-żgħażagħ fi ħdan il-Monitoring Committee tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), li hu l-iżjed kumitat importanti f’din l-istituzzjoni għaliex hu responsabbli li jara li l-istati membri isegwu l-obbligi tagħhom fiż-żamma tad-drittijiet umani u d-demokrazija.
L-Assemblea Parlamentari hija l-fergħa parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, organizzazzjoni internazzjonali ta’ 46 nazzjon iddedikata biex tħares id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
F’Ġunju li għadda l-Assemblea Parlamentari irriżolviet li għandu jkun hemm Rapporteurs żgħażagħ għal kull kumitat biex iż-żgħażagħ ikunu iżjed ċentrali fil-ħidma ta’ din l-istituzzjoni,
Permezz ta’ din il-ħatra, l-Dr. Cachia se tkun mistennija li tkun il-vuċi taż-żgħażagħ li pajjiżhom ikun taħt il-proċess tal-monitoraġġ fi ħdan l-Assemblea Parlamentari u tippreżenta l-perspettiva tagħhom fid-dibattiti li jsiru fil-plenarja tal-Assemblea 4 darbiet f’sena.
F’Mejju li ġej, Malta ser ikollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa u għaldaqstant l-irwol ta’ pajjiżna f’din l-organizazzjoni ser isir iżjed importanti, b’waħda mill-prijoritajiet ta’ pajjiżna għal dan il-perjodu jkunu iż-żgħażagħ.
“Inħossni privileġġata mmens li ġejt fdata b’din ir-responsabbiltà. Il-parteċipazzjoni fl-Assemblea Parlamentari tirrikjedi ħafna xogħol iżda hi esperjenza li tgħallmek ħafna u tiftaħlek għajnejk għar-realtajiet ta’ pajjiżi viċin tagħna. Kuntenta li ser ikolli ċ-ċans naħdem ma’ żgħażagħ minn madwar l-Ewropa matul il-mandat tiegħi bħala Rappporteur. Fil-kuntest tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ewropa u wara l-ħatra ta’ Glenn Micallef bħala Kummissarju Ewropew responsabbli għaż-żgħażagħ, qed nuru li bħala pajjiż dejjem tajna l-importanza xierqa lill-ġenerazzjonijiet li tilgħajn u t-tfassil ta’ politika biż-żgħażagħ fiċ-ċentru.”
Il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia