Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista approva b’mod unanimu lill-Avukat u Deputata Laburista, Naomi Cachia bħala Whip tal-Grupp Parlamentari. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Partit Laburista, wara laqgħa tal-istess Grupp Parlamentari Laburista.
Intqal li Cachia ilha Membru Parlamentari minn wara l-elezzjoni ta’ Marzu tal-elfejn tnejn u għoxrin u serviet fil-Partit Laburista f’diversi rwoli oħrajn, fosthom bħala President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Il-Partit Laburista qal li fir-rwol il-ġdid tagħha, Cachia se tkun ukoll membru tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru Robert Abela kkummenta kif din il-ħatra hi xhieda oħra ta’ tiġdid fil-Partit Laburista. Dr Abela sostna li jemmen ħafna fil-ħiliet taż-żgħażagħ, fejn hemm taħlita ta’ esperjenza u anke ta’ nies li ilhom fil-politika għal numru ta’ snin, minkejja li għadhom żgħażagħ.