Nanniet qatt ma kelli, pero nagħmel dak li nista’ biex liż-żewġ neputijiet tiegħi nurihom il-veru mħabba li joffru n-nanniet.
Hekk stqarr magħna l-iskultur bravissimu ta’ 72 sena u mimli b’enerġija żagħżugħa Ġanni Paċe.
Jekk wieħed se jmur għall-mistrieħ fil-Ġnien tal-President f’San Anton ser jara issa quddiemu monument tal-bronż li juri n-nanniet man-neputijiet tagħhom.
Paċe, spejga ma’ One News li dan il-monument mhuwiex magħmul b’kapriċċ jew biex iżejjen biss, iżda warajh hemm tifsira profonda u mill-isbaħ, li turi l-imħabba unika li n-nanniet jagħtu lin-neputijiet tagħhom.
“Dan jissimboliżża lin-nannu u lin-nanna u naturalment in-nanna qiegħda bil-ktieb biex tisimbolizza s-simbolu tat-tagħlim li n-nanniet jagħtu liż-żgħar tagħhom u wkoll il-ktieb ifisser l-esperjenza għaliex iż-żmien hu esperjenza u meta jkollok esperjenza, inti tista taghti aktar eżempji tajba liż-żgħar.”
Simboli oħra ferm interessanti u għall-qalb Ġanni huma kif qegħdin l-idejn tan-nanniet kif ukoll il-forma tal-iskultura.
“In-nanniet qed imissu l-irjus tat-tfal tfisser li qed jindukrawhom, ikunu dejjem moħħhom fihom li jkollhom tagħlim tajjeb naturalment ikel tajjeb mill-ġenituri u minn kulħadd u apparti minn hekk jekk inti tħares lejn l-ispallel u tagħmel dak is-simboli jispiċċaw f’’ ‘curve’ f’forma ta’ qalb ukoll, u fejn qed jispiċċaw, taħt il-fjuri li qed jagħti it-tifel joffri lin-nanna.”
L-iskultur saħaq li dan il-monument ħadlu x-xogħol, iżda hu grat lejn l-Għaqda Nanniet Malta li aċċettaw li l-monument tiegħu jiġi inawgurat propju fil-ħames snin mit-twaqqif ta’ din l-għaqda.
“Bdejt l-idea f’Jannar ta’ din is-sena imbgħad meta kont naf li xtaquh li jsir, għamilt il-buzzett, tlabt appuntament mal-Eċċellenza tagħha l-President u urejtilha l-buzzett li tant għoġobha.”
L-iskultur temm jagħti ħajr lis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis u liż-żewġ rappreżentanti tal-Awtorità tal-Ippjanar Vince Cassar u l-Perit Francis Mallia li bis-saħħa tagħhom seta’ jsir dan il-monument.