Il-Fondazzjoni Nanniet Malta, twaqqfet mis-Sur Philip Chirchop f’ Settembru tal-elfejn u tlettax. F’ dawn l-aħħar snin saret tant magħrufa li saħansitra fit-tnax ta’ Marzu tal-elfejn u erbatax, il-Parlament approva it-tieni Ħadd ta’ Ottubru bħala Jum Nazzjonali tan-Nanniet.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum In-Nanniet, il-Fondazzjoni tagħmel dimostrazzjoni ta’ kull sena, is-Sibt qabel it-tieni Ħadd ta’ Ottubru, fejn in-Nanniet jimxu fit-toroq tal-Belt Valletta minn quddiem il-binja ta’ Kastilja sal-Parlament, fejn jiġu indirizzati mill-fundatur u minn personalitajiet distinti.
Ta’ kull sena il-klabb tal-Moto Guzzi tipparteċipa f’ dan l-avveniment nazzjonali billi tagħti rikbiet lin-nanniet fuq il-muturi Moto Guzzi.
In-Nanniet għandhom rwol importanti fis-soċjetà u fil-familji Maltin. It-tema taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena kienet id-dritt tan-nanniet li jkollhom aċċess sabiex jaraw lin-neputijiet tagħhom u l-bżonn li jingħaraf il-kontribut tan-nanniet li joqghodu id-dar jieħdu ħsieb lin-neputijiet għaliex huma jagħmlu sagrifiċċju għal snin twal jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom u wara lin-neputijiet tagħhom mingħajr hlas.
Il-kelliema mistiedna għal din is-sena kienu l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farruġa fost oħrajn.