“Din hija inizjattiva oħra komunitarja u familjari favur l-anzjani, li fil-jiem tal-festi jħossuhom minsijin mill-familja u l-ħbieb.” Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta nediet il-kampanja “Naħseb Fik”, biex tul il-festi tal-Milied tintwera solidarjetà aktar diretta bejn il-ġenerazzjonijiet fil-familja u fil-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Caruana fakkret li l-ewwel edizzjoni saret bi prova f’Għawdex is-sena l-oħra, u s-suċċess li kisbet wassal lis-Segretarjat biex jestendiha din is-sena fuq livell nazzjonali. Madwar 200 persuna anzjana gawdiet mill-inizjattiva s-sena l-oħra, li kienu fost dawk li jħossuhom neqsin mill-attenzjoni tal-familja u d-dispjaċir – kultant sieket imma reali – li, filwaqt li kulħadd jista’ jiċċelebra mal-qraba u l-ħbieb, huma jkunu waħidhom.
“L-attenzjoni u l-kura tal-anzjani fi ħdan il-familji Maltin u Għawdxin għadha b’saħħitha, imma jeżistu dawk li jonqsu mid-dmirijiethom – li jaħsbu kif jixraq fil-ġenituri u l-anzjani fil-familja,” qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana. Hija żiedet li din l-inizzjattiva għandha sservi biex tħeġġeġ aktar sens ta’ dmir fil-familji nfushom, u fl-istess ħin toħloq kuxjenza pubblika biex tikkumbatti jew tikkumpensa għal sitwazzjonijiet ta’ solitudni.
Hija fissret li l-kampanja “Naħseb Fik” tieħu forma ta’ żjarat jew għoti ta’ rigali lil dawn l-anzjani li, b’għafsa ta’ qalb, ikunu waħidhom meta jaraw anzjani oħra mdawrin bil-qraba. “Iktar mill-attenzjoni doveruża tul is-sena kollha, hija kiefra li n-nuqqas tagħha joħloq swied il-qalb fost l-anzjani minsijin fi żmien meta appuntu kulħadd ikun qiegħed jifraħ ‘lil hinn mir-residenzi ta’ dawn l-anzjani,” qalet Caruana. Hija raddet ħajr lill-ħaddiema u diriġenti kollha fid-djar tal-anzjani għall-isforzi tagħhom biex joħolqu ambjent festiv fil-ġimgħat li ġejjin, fejn ikun jonqos biss il-preżenza reali tal-familji tal-anzjani.
Hija appellat biex matul iż-żmien ta’ festi nipparteċipaw bi ħġarna f’din it-tieni edizzjoni tal-kampanja “Naħseb Fik”, biex terġa tkun suċċess u tferraħ aktar anzjani biex iħossuhom parti sħiħa mis-soċjetà tagħna.
Kull min irid jieħu seħem f’din l-attività jista’ jċempel lis-Segretarjat Parlamentari fuq in-numru 25903156 jew jidħol fis-siti elettroniku http://www.nahsebfik.com, https://www.facebook.com/nahsebfik/ jew jibgħatu email lil info@nahsebfik.com. Dan jista’ jsir sal-Ħamis 15 ta’ Diċembru, u r-rigali għandhom jittieħdu fl-uffiċini tas-Segretarjat Parlamentari f’Palazzo Ferreria, Valletta bejn id-9.00am u s-13.00pm.
Ritratt: DOI Clodagh Farrugia O’Neil