“Bħala familja waħda, qegħdin naħdmu f’Partit imġedded, aktar b’saħħtu u jħares lejn il-ġejjieni.” Saħaq dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Roberta Abela, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja, bit-tema ‘Il-Ġid għall-Maltin’.
B’merħba sabiħa minn dawk, li nġabru fil-kwartieri tal-Partit Laburista, proprju fix-xahar li qed jitfakkar it-tletin anniversarju tal-binja, il-Prim Ministru fakkar kif, sena ilu, il-Partit Laburista rebaħ żewġ elezzjonijiet, iżda l-poplu bagħat messaġġi ċari.
Fosthom li ried li l-Partit Laburista jibqa’ fit-tmexxija, imma li dan ikun Partit aħjar milli hu u li jagħti iżjed widen lill-bżonnijiet tal-poplu.
“Kemm jien, għalhekk, kuntent li qed isiru dawn it-tibdiliet, għax naf li se jsaħħu lil dan il-Partit u, allura, ukoll konsegwentament se jsaħħu lil pajjiżna, għax Partit Laburista b’saħħtu jfisser futur aqwa għal pajjiżna. Rajna fl-aħħar xhur kif it-tiġdid fi ħdan il-Partit wassal ukoll għal tiġdid fi ħdan il-Gvern. Bdejna bil-baġit f’Ottubru li għadda, it-tielet minn ħames baġits ta’ din il-leġiżlattura, l-aqwa baġit li qatt kellu pajjiżna.”
ROBERT ABELA – PRIM MINISTRU
Dr Abela tkellem dwar il-bidliet fl-istatut tal-Partit Laburista, fosthom dwar kif dawn se jagħtu vuċi akbar lill-kumitati lokali, għax huma r-ruħ vera tal-Partit Laburista.
Hawnhekk il-Prim Ministru sostna li, jekk ma tkunx f’qagħda li tmexxi tajjeb il-partit tiegħek, il-poplu ma jistax jafdak tmexxi l-pajjiż. U dan hu saħansitra x’qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista, b’dejn u bi skema sigrieta taċ-ċedoli, fost oħrajn.
Dr Abela tenna li, bil-kontra, il-Partit Laburista qed ikompli jsaħħaħ il-governanza interna u l-mezzi finanzjarji tiegħu.
Hu aċċenna għall-fatt li, fl-aħħar xhur, it-tibdil li twettaq fil-Partit wassal għal tiġdid fi ħdan il-Gvern. Dan bit-tielet baġit minn ħamsa, baġit li sema’ anke l-karba tan-nies b’kumpens għall-inflazzjoni u anke biex jiġu ħaddiema barranin bil-qies u bil-galbu.
Il-Prim Ministru spjega li kien, għalhekk, li dan il-Gvern nieda l-Malta Labour Migration Policy, minbarra proġetti ta’ infrastruttura aħjar, bħal dak ewlieni tal-Imsida u t-tieni interconnector għal aktar provvista ta’ elettriku b’sistema ta’ distribuzzjoni ta’ eċċellenza.
Waqt id-diskors tiegħu, Dr Abela tkellem ukoll dwar il-Viżjoni Malta 2050, li għandha tliet oġġettivi għal pajjiżna għas-snin li ġejjin.
“Viżjoni li fost id-diversi għanijiet tagħha, għandha tliet għanijiet ewlenin. L-ewwel, li niġu mal-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fejn jidħol l-iżvilupp uman. It-tieni, id-dħul medju tal-familji tagħna jiġi terz iktar minn dak ta’ familja medja Ewropea. It-tielet, il-livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja f’pajjiżna, ikun mal-aqwa ħamsa tal-Unjoni Ewropea. Issa dawn huma kollha oġġettivi li jpoġġu fiċ-ċentru ta’ kollox lilkom, il-wellbeing u l-benesseri tagħkom.”
ROBERT ABELA – PRIM MINISTRU
Dr Robert Abela semma wkoll kif, issa, dan il-Gvern jista’ jmur quddiem il-poplu b’pataflun ta’ miżuri li qed jagħtu r-riżultati pożittivi, fosthom l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, full employment, l-akbar tnaqqis tat-taxxa fl-istorja għall-ħaddiema kollha fil-pajjiż, miżuri għall-first time buyers u żidiet fil-pagi bl-aqwa ftehimiet kollettivi.
Il-Prim Ministru fil-fatt kompla jgħid li, fil-baġit li jmiss, se jkomplu jiżdiedu l-pensjonijiet u anke ċ-Children’s Allowance.
Sostna li dan hu Partit Laburista aħjar, fejn ħadd ma jkun minsi u kulħadd igawdi.
Il-Mexxej Laburista tenna li, minkejja li ħaddieħor mhedi miġġieled u jogħrok idejh kontra pajjiżna, fosthom fuq qafas li pprovda kważi biljun u nofs ewro favur proġetti soċjali ta’ fejda, dan il-Gvern mhu se jaqta’ qalbu qatt.
Waqt din il-Konferenza Ġenerali Straordinarja, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-diskussjoni li qanqal il-Gvern dwar l-ewtanasja volontarja assistita. Hu qal li din id-diskussjoni għandha tkun waħda matura u ta’ kompassjoni.
Dr Abela temm id-diskors tiegħu b’messaġġ lill-attivisti Laburisti, ħalli jkomplu jaħdmu għal għan wieħed, favur il-ġid ta’ Malta pajjiżna.
“Kunu magħna f’dan iż-żmien sabiħ li ġej quddiemna għal pajjiżna. Irbaħna flimkien, ħloqna tant u tant ġid. Se nkomplu nirbħu flimkien u se noħolqu iktar ġid għall-Għawdxin u l-Maltin kollha. Hekk nibqgħu moviment rebbieħ, moviment b’saħħtu, moviment progressiv, moviment favur il-ġustizzja soċjali, moviment favur il-ħaddiema, familji Għawdxin u Maltin kollha. Moviment li jibqa’ jkun ta’ ġid għall-Għawdxin u l-Maltin kollha li aħna għandna tant għal qalbna. Grazzi lilkom ukoll.”
ROBERT ABELA – PRIM MINISTRU
