Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, il-Ministru Ian Borg beda billi semma kif huwa tela’ l-skaluna, skaluna fil-Partit Laburista, filwaqt li qal li jinsab imċekken bil-vot ta’ fiduċja b’saħħtu li ngħata mid-delegati.
Huwa rringrazzja lil dawk li tefgħu isimhom għal xi kariga, jew dawk li kienu jokkupaw xi kariga – hekk kif qal li rridu nkomplu nsaħħu l-istrutturi tal-Partit Laburista, anke permezz ta’ sinerġija bejn il-Partit, u l-grupp Parlamentari.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, qal kif dan huwa proċess ta’ tama ġdida, u rridu nfasslu viżjoni għas-snin li ġejjin, fejn inkomplu ngħollu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem.
Borg żied jistqarr, kif se jaħdem spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru, Robert Abela, sabiex il-Gvern u l-Grupp Parlamentari, jkunu iżjed ikkordinati u effettivi.
Elenka dan mal-fatt li rridu nisimgħu minn kulħadd – minn żgħażagħ sa anzjani, u niddefendu lin-nies tagħna.
Ian Borg, temm id-diskors billi qal li l-Partit Laburista, li huwa l-akbar forza politika f’pajjiżna, għandna nżommuh miftuħ għal kulħadd.
“Bħala Partit, irridu niddefendu lin-nies tagħna u bħala Gvern irridu naħdmu għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Aħna pajjiż żgħir, iżda nazzjon kbir, bi storja mill-isbaħ, u allura dan il-Partit, li huwa l-akbar forza politika li għandna, ejja nżommuh miftuħ għal kulħadd – min hu lest, li jħaddan l-ideali u l-priniċipji li waqqfuh u sawruh – issuktaw fil-ħidma mbierka, jibqa’ demmkom jiġi sħun, seddqu talbkom, qawwu qalbkom, tagħna r-rebħa terġa’ tkun.”
Sadanittant, fl-ewwel diskors tiegħu bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, xtarr dwar dawn l-aħħar 17-il sena, fil-Partit Laburista.
Stqarr kif lura fl-2008, huwa kien wiegħed lilu nnifsu, li se jagħmel minn kollox, sabiex il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika f’Malta.
Huwa stqarr li rridu naħdmu flimkien, bi prinċipju importanti – dak tal-għaqda, filwaqt li rridu nintepretaw il-messaġġ tal-elettorat, anke billi nħarsu lejn l-istorja tal-Partit Laburista – li minn dejjem kien tarka għall-iżgħar fost iż-żgħar, u li għandu jibqa’ attiv.
Appella wkoll, għal diskussjonijiet miftuħin, u sabiex niftħu l-bibien tagħna, immorru lura lejn l-għeruq, u nibnu fuq it-tajjeb li ħejjew il-mexxejja preċedenti.
Agius Saliba, stqarr li l-Partit, huwa mimli b’talenti u nies li jridu jagħtu sehemhom, filwaqt li wiegħed aktar sapport lill-kumitati lokali, u aktar diskussjoni politika, sabiex ikompli jitwettaq il-manifest elettorali, Malta Flimkien.
Żied jistqarr, kif għandna nagħtu s-suġġerimenti, sabiex il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika li tagħti spazju lil kulħadd, u fl-istss waqt isiru r-riformi meħtieġa.
Filwaqt li rringrazzja lill-predeċessuri tiegħu, huwa temm billi appella għall-għaqda.
“L-għaqda flimkien, terġa’ tkun ir-riċetta. Ħa terġa’ tkun ir-riċetta, sabiex nerġgħu nagħtu ħajja ġdida, lil dan il-Partit, sabiex fl-aħħar mill-aħħar, nerġgħu nibdew noħolmu, u jerġa’ jkollna attività aktar qawwija fl-istrutturi tagħna, u fil-lokalitajiet tagħna. Nerġgħu nressqu lejna, kif diġà għandna, l-aqwa mħuħ fil-politika, l-aqwa nies li jridu jagħtu l-impenn tagħhom, sabiex mill-ġdid, inkomplu nemmnu li dan il-partit li tant inħobbu, kien, għadu u jibqa’ d-dar naturali, tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Sadanittant wara li Ramona Attard għaddiet ix-xettru lil Dr. Alex Sciberras huwa għall-ewwel darba ppresieda l-konferenza ġenerali, bħala President tal-Partit Laburista.
Huwa dar lejn Norma Saliba, li kkandidat ruħha għall-irwol ta’ President – f’kampanja ta’ ħbiberija – u stqarr li l-Partit għandu bżonnha.
Il-President il-ġdid tal-Partit Laburista sellem ukoll il-memorja ta’ missieru, l-Imħallef Emeritu, Philip Sciberras.
Huwa wkoll appella għall-għaqda, sabiex il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza progressiva f’pajjiżna.