Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Komunità Santa Marija fejn isir programm ta’ riabilitazzjoni li joffri għajnuna lil dawk li jaffaċċjaw il-problema tad-dipendenza fuq sustanzi fosthom id-droga u l-alkoħol. Flimkien mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), Alfred Grixti, il-Prim Ministru rrikonoxxa l-impenn kontinwu tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS hekk kif dan il-programm mhux biss joffri appoġġ biex persuni jegħlbu d-dipendenza tagħhom, iżda jgħinhom ukoll jerġgħu jintegraw fis-soċjetà u jsibu l-għajnuna meħtieġa biex jibdew ħajja ġdida.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-membri tar-residenza u jara mill-qrib kif jaħdem dan il-programm, li huwa mibni fuq kunċett ta’ komunità terapewtika. Il-Prim Ministru żar il-binja fejn jgħixu r-residenti, fejn seta’ jara l-mod ta’ kif titmexxa din ir-residenza bis-sehem ta’ kull resident. Din iż-żjara segwiet b’laqgħa flimkien mal-persuni li jgħixu f’din il-komunità, fejn dawn tkellmu dwar l-esperjenzi li qed jgħaddu minnhom fil-vjaġġ tagħhom lejn ir-riabilitazzjoni.

Il-Prim Ministru nnota l-investiment mill-FSWS f’servizzi ta’ riabilitazzjoni li joffru soluzzjonijiet fit-tul għal dawk li qed ifittxu bidla f’ħajjithom. “Il-politika ta’ dan il-gvern kienet dejjem dik li ngħinu lil kull membru tas-soċjetà jkollu l-għajnuna, iċ-ċans ugwali u l-opportunitajiet kollha sabiex jirnexxi. Din il-komunità hija xhieda ta’ dan. Qed naħdmu biex nagħtu t-tama lil kull min qed jaffaċċja sfidi relatati mad-dipendenza fuq id-droga. Bħala Gvern kommessi li nkomplu nsaħħu dawn il-programmi biex aktar persuni jingħataw l-opportunità li jibnu futur aħjar.”
Il-Komunità Santa Marija hija mfassla fuq tliet fażijiet residenzjali u fażi ta’ aftercare, li tipprovdi struttura biex ir-residenti jkunu dejjem iggwidati fil-vjaġġ tagħhom. Tul il-programm, ir-residenti jingħataw għajnuna psikoloġika u terapewtika kif ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ u attivitajiet edukattivi biex jibnu ħiliet ġodda u jsaħħu l-indipendenza tagħhom.
Ir-residenti li tkellmu mal-Prim Ministru rrakkontaw stejjer ta’ sfida u perseveranza, u kif il-programm tal-Komunità Santa Marija offrielhom it-tama u l-għodod meħtieġa biex jerġgħu jibdew ħajja b’saħħitha filwaqt li jintegraw fis-soċjeta bl-aħjar mod possibbli.

Il-Prim Ministru rrikonoxxa x-xogħol dedikat tal-professjonisti li jmexxu dan iċ-ċentru u qal li dan huwa eżempju ta’ kif is-servizzi soċjali jistgħu jkunu katalisti ta’ bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies. “Dan huwa investiment fil-ħajja tan-nies, investiment f’soċjetà aktar inklużiva u ġusta, fejn kulħadd jingħata t-tieni ċans.”
Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-pazjenti li bħalissa jinsabu fl-SMIPU. Is-Substance Misuse Inpatient Unit, magħruf ukoll bħala Dar l-Impenn, huwa l-unika faċilità medika f’Malta li toffri osservazzjoni u stabbilizzazzjoni għall-persuni li jkunu qed jissieltu mad-dipendenza fuq is-sustanzi.
Din il-faċilità li tifforma parti mill-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS tilqa’ fiha sa massimu ta’ seba’ persuni li jkunu rreferuti minn tobba speċjalizzati fid-dipendenzi. L-għan ewlieni ta’ Dar l-Impenn huwa li joffri kura medika intensiva għal perjodu qasir ta’ bejn sebat u għaxart ijiem taħt l-għajnejn ta’ professjonisti tas-saħħa. Minkejja l-perjodu limitat ta’ kura, din il-faċilità tipprovdi opportunità importanti għall-individwi biex jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn il-fejqan u jirċievu l-għajnuna meħtieġa biex jegħlbu d-dipendenza tagħhom.