Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-Gvern ħa nota tar-rapport dwar is-salta tad-dritt f’Malta fil-Kunsill tal-Ewropa minkejja r-riservi tiegħu dwar ir-rapporteur Ormtzigt u l-asserzjonijiet li saru dwar Malta li fisser bħala foloz u żbaljati.
“Aħna nieħdu nota tal-punt li sar ilbieraħ min-naħa tal-PA tal-Kunsill tal-Ewropa. Aħna nirrispettaw kull istituzzjoni u ma nistgħux ma nieħdux nota tar-rapport.”
F’kumment lill-ġurnalisti, Dr Muscat innota li r-rapport tħejja minn persuna li kien ammetta li nstab ħati ta tbagħbis ta’ informazzjoni u l-involviment ta’ membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
“Li filwaqt li għandi riservi tiegħi dwar ir-rapporteur li kien instab ħati u kien ammetta hu stess li bagħbas informazjzoni f’każ tant gravi bħalma huwa twaqqigħ ta’ ajruplan MH17 fuq Ukrajna u filwaqt li kien hemm sehem attiv min naħa ta’ xi membri tal-oppozzijoni fid-draft ta’ dan ir-rapport u fil-waqt li hemm asserzzjoijiet li huma foloz u żbaljati f’dan ir-rapport jien xorta rrid nieħu nota tiegħu u nagħti kasu.”
Hawnhekk innota b’sodisfazzjon li l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa rrifjutat li tiftaħ proċedura ta’ monitoraġġ dwar pajjiżna.
“Il-Kunsill tal-Ewropa rrifjuta din il-proċedura sproporzjonata, u allura ninnota b’sodisfazzjon li l-Kunsill tal-Ewropa, din it-talba min-naħa ta’ membru tal-Oppożizzjoni Maltija, irrifjutata.”
Dwar it-talba għall-ftuħ ta’ inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza fi żmien tliet xhur, Dr Muscat tenna li din se ssir, iżda fakkar fil-parir ċar li ngħata mill-Avukat Ġenerali li kull ħaġa li tista’ tingħad fiha, tista’ tippreġudika l-każ kontra t-tliet persuni li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Qal li minkejja li pajjiżna huwa sovran, mhux se jpoġġi lill-pajjiżna f’diżgwid ma’ istituzzjonjiet Ewropew u għalhekk se jibqa’ jieħu l-pariri tal-Avukat Ġenerali biex jidħol f’diskussjonijiet mal-Kunsill tal-Ewropa biex jgħarrafhom bir-riservi ta’ Malta dwar din l-inkjesta pubblika.
Fuq kollox saħaq li mhux se jkun il-persuna li jerfa’ r-responsabbilità f’każ li din l-inkjesta tippreġudika l-każ fil-konfront tat-tliet akkużati.
“U jekk ikun hemm tweġibiet sodisfaċenti għaliex żgur mhux se nkun il-persuna li nerfa’ r-responsabbiltà li inkjesta pubblika twassal biex il-każ kontra tliet persuni jaqa’. Dik żgur mhux xi ħaġa li jien lest li nagħmel. Biss jekk hemm dan il-process min-naħa tal-Ewropa li wassal għal dan il parir b’saħħtu ħafna jien se nerga nieħu l-pariri u jekk hemm il-lok fit-tliet xhur li gejjin kif mitlub mill-Kunsill tal-Ewropa jien nahtar inkjesta pubblika f’dan ir-rigward.”