“Nagħti garanzija li se nibqgħu Gvern li jħares ir-ruħ soċjali u li jibqa’ viċin iż-żgħir u l-batut.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela waqt sessjoni li fiha wieġeb għall-mistoqsijiet tal-pubbliku ġewwa Ħal Balzan.
Huwa stqarr li din il-garanzija se tingħata fil-Budget li jmiss li l-Gvern se jħabbar fid-dsatax ta’ Ottubru.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal: “Dik il-garanzija iżda ma tingħatax biss bil-kelma, dik il-garanzija ser tingħata fid-19ta’ Ottubru bħal għada ġimgħa. Ser inkunu qegħdin inħabbru l-budget. Budget li t-tema ewlenija, jew waħda mit-temi ewlenin ser tkun propju t-tħaris tal-interessi taż-żgħir, tal-batut, min jista’ l-inqas fis-soċjetà tagħna. Dan huwa dak li jiddefinina.”
Dwar ir-ritorn tat-tfal fl-iskola b’mod gradwali, il-Prim Ministru spjega kif din kienet deċiżjoni li kellha tittieħed biex ma jixxekkilx l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ta’ studenti.
Dr. Abela sostna: “Hawnhekk qed nitkellmu dwar l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal, li nistgħu nitilfuhom jekk nieħdu deċiżjonijiet ħżiena jew nistgħu f’dan il-mument partikolari, ngħidu li minkejja kollox ipprovdejnielhom l-aqwa għodda għall-iżvilupp tagħhom.”
Qal ukoll li jifhem li jista’ jkun hemm ġenituri li għadhom jibżgħu jibagħtu t-tfal l-iskola madankollu huwa għamlilhom kuraġġ. Dan hekk kif intlaħaq bilanċ bejn protokolli li jħarsu s-saħħa tal-istudenti u l-importanza ta’ edukazzjoni tajba. Dwar l-għażla ta’ jekk il-ġenituri jibgħatux lit-tfal l-iskola, huwa saħaq li l-ġenituri għandhom jaraw li min ma jibgħatx t-tfal skola, jara li dawn jieħdu t-tagħlim ‘online’ kollu.
Dwar it-turiżmu, stqarr t-triq il-quddiem hija li l-ivjaġġar ikun wieħed sigur. Fil-fatt fil-jiem li ġejjin se jiżdied l-ittestjar u se jkollna sistemi ta’ ittestjar b’mod spedit, u l-vaċċin għall-Covid-19 kapaċi jasal Malta fil-ġimgħat jew ix-xhur li ġejjin.
Sadanitant il-ħajja trid tkompli bil-prekawzjonijiet kollha neċessarji, bil-Prim Ministru jenfasizza l-importanza li r-regolamenti jkunu obduti u jkun hemm infurzar b’saħħtu.
Il-Prim Ministru Abela qal: “Se nagħmel enfasi fuq l-infurzar. L-infurzar ser ikun wieħed, hu b’saħħtu, ser ikun iżjed b’saħħtu u ser nibqa’ nenfasizza fuq l-infurzar b’saħħtu. Ir-regolamenti kollha jridu jiġu obduti.”
Huwa serraħ moħħ is-settur kummerċjali li l-injezzjonijiet finanzjarji u ta’ kuraġġ ser jibqgħu hemm b’mod sostenibbli.
Stqarr li l-iskema tal-għajnuna tal-Gvern fil-pagi tal-ħaddiema se tinżamm sakemm ikun hemm bżonn, u li dawk in-negozji li huma pożittivi f’dan iż-żmien se jsibu l-Gvern warajhom b’miżuri sostenibbli.
Innota wkoll li filwaqt li tbassir kien qal li se jkollna 50 elf ruħ qiegħda f’pajjiżna, pajjiżna kompla jnaqqas il-qgħad ġimgħa wara ġimgħa.
Dr. Abela tenna: “F’Marzu li għadda t-tbassir kien li ser ikollna 50 elf ruħ qiegħda f’pajjiżna. Infakkarulkom, 50 elf ruħ qiegħda. Ħdimna bil-kontra. Bil-kontra saħansitra ż-żona ewro, l-pajjiżi fiż-żona ewro bħalissa. Fiż-żona ewro l-qgħad jitla’ l-fuq b’żero punt tmienja fil-mija, aħna nnaqsuh b’żero punt erbgħa fil-mija.”
Stqarr li saħansitra f’pandemija f’dawn l-aħħar tliet xhur pajjiżna kellu rekord ta’ konvenji fuq il-propjetà permezz ta’ miżuri ta’ tnaqqis fit-taxxa tal-boll.
Dan is-suċċess imur kontra kull tbassir li kellu iżda bir-reżiljenza tal-poplu Malti u Għawdxi u l-għaqal ta’ dan il-Gvern, pajjiżna se jkompli l-mixja pożittiva.
Innota wkoll kif tul il-pandemija baqgħu għaddejjin proġetti infrastrutturali, u għaddew liġijiet meħtieġa dwar il-Governanza li kienu ilhom snin jintefgħu taħt it-tapit minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Stqarr li minnha nnifisha din kienet attività pożittiva hekk kif il-kuntatt man-nies huwa kruċjali. Hawnhekk saħaq dwar l-importanza li l-Partit Laburista jibqa’ viċin in-nies.
Il-Prim Ministru saħaq: “Partit li l-messaġġ tan-nies jaġixxi dwaru, li jifhem il-bżonnijiet tan-nies, il-bżonnijiet taż-żgħir, ta’ min jista’ l-inqas fis-soċjetà, li niltaqgħu ma’ min qiegħed f’kull settur tas-soċjetá. Imma li fuq kollox ma ninsew qatt li l-bażi ta’ Partit Politiku, jibqgħu l-għeruq tiegħu, li huma n-nies.”
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/10/11/process-ta-tigdid-tangibbli-fil-partit-laburista/