Waħda mill-wegħdi ta’ Gvern Laburista hi li jittranġaw it-toroq Maltin u Għawdxin kollha. Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat flimkien mal-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg spjegaw din il-prijorità.
Il-Kunsilli Lokali huma responsabbli mit-toroq kollha barra dawk arterjali u distributorji u dawk li qatt ma saru – minħabba nuqqas ta’ fondi. Transport Malta ma tistax tippjana fit-tul għax tiddependi minn vot kapitali fil-baġit, kull sena.
Il-pjan huwa ambizzjuż, biex it-toroq kollha f’Malta u Għawdex isiru u jibqgħu jinżammu kif jixraq lill-pajjiż modern u lin-nies li jużawhom u jgħixu fihom.
Il-programm huwa ta’ €700 miljun u huwa ffinanzjat b’mod responsabbli b’fondi Ewropej, mill-Bank tal-Iżvilupp, mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, minn strumenti finanzjarji oħrajn bħal EFSI u EIB, minn Public Private Partnership u Private Finance Initiatives. Dan ma jinkludix proġetti infrastutturali fuq skala kbira.
Importanti li wieħed jinnota li l-użu tat-toroq u l-parkeġġ se jibqa’ b’xejn.
Aġenzija ġdida se tieħu ħsieb ix-xogħol fit-toroq u se tispiċċa r-responsabbiltà diretta tal-Kunsilli Lokali għall-asfaltar tat-toroq. Madanakollu l-Kunsilli Lokali mhux se jitilfu fondi, imma jużaw madwar €7M f’fondi għal proġetti oħra fil-lokalitajiet. Il-Kunsilli Lokali jingħataw l-inkarigu primarju u fondi ġodda meħtieġa biex jiffukaw fuq il-manutenzjoni kontinwa tat-toroq urbani fil-lokalitaà tagħhom mingħajr ma jitilfu l-fondi li għandhom illum.
L-ewwel prijorità se tingħata lil 170 triq residenzjali li għadhom qatt ma ngħataw wiċċ ġdid t’asfalt. It-toroq kollha se jsiru kollha fuq perjodu massimu ta’ tliet snin u mhux anqas minn 60 triq fis-sena.
Ix-xogħol se jsir fuq perjodu massimu ta’ seba’ snin u l-Gvern ikun għamel it-toroq kollha li xi darba kienu saru iżda spiċċaw imkissra. Apparti dan, se jidħlu standards ġodda bħal tiswijiet ta’ potholes perikolużi fi żmien 24 siegħa.
Bil-Partit Laburista fil-Gvern, jitkompla b’pass mgħaġġel il-programm ta’ toroq arterjali u distributorji li minnhom jgħaddi 58% tat-traffiku. L-enfasi se tkun fuq manutenzjoni preventiva u kontinwa, crash barriers tajba għal ċiklisti, l-istallazzjoni ta’ sistemi elettroniċi li jgħinu lis-sewwieqa u Titjib fl-infrastruttura ġenerali. Dan minbarra upgrades tal-mini kollha fuq l-istess livell tal-underpass tat-Triq Diċembru 13.
B’hekk ikun hawn toroq ta’ livell li jixirqu lil pajjiżna.
Isir ukoll programm nazzjonali ta’ upgrade infrastrutturali qawwi ta’ bankini u żoni pedonali, b’enfasi partikolari fuq l-aċċessibbilità. Se jkun hemm aktar shared spaces u cycle lanes għall-użu tar-rota. Dan minbarra programm kontinwu ta’ refreshing ta’ line markings.
Gvern Laburista fil-Gvern jagħmel proġett pilota biex, kull fejn hu possibbli, jitneħħew l-arbli tad-dwal u wires żejda minn mal-faċċati tad-djar u tan-negozji u bankini aktar aċċessibbli.
Fuq perjodu ta’ seba’ snin, jitnaqqas drastikament l-isfreġju u l-inkonvenjent, biex ikollna dehra ambjentali aħjar.
Il-pjan hu li jissaħħaħ u jitjieb il-monitoraġġ meħtieġ biex proġetti tat-toroq jibdew u jispiċċaw fil-ħin. Se jkunu allokati Fondi Ewropej għat-taħriġ tal-ħaddiema tal-kuntratturi tat-toroq, kif ukoll għal immodernizzar fil-makkinarju u l-vetturi tagħhom.
Il-progetti tat-toroq isiru fil-ħin, skond il-baġit allokat u tkun garantita l-aqwa kwalità.
Aġenzija apposta jkollha l-inkarigu tat-tindif ġenerali u l-upkeep tal-pajjiż, inkluż postijiet turistiċi. Din l-Aġenzija taħdem mill-qrib mal-Kunsilli Lokali u l-entitajiet governattivi. Tħares ukoll lejn mudelli ta’ public private partnership biex jiġi massimizzat il-potenzjal ta’ diversi sinerġiji li jistgħu jinħolqu.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/05/PRES-DAY-05-vFinal.pdf” title=”PRES DAY 05-vFinal”]