Dan huwa Rafael, għandu biss tliet snin, u huwa d-dinja tal-ġenituri tiegħu.
Mal-ewwel nifsijiet li ħa, it-tobba u l-ġenituri tiegħu nnutaw ċ-ċkejken twieled b’imsarnu barra minn ġismu.
Ommu, Venera spjegat li l-kundizzjoni Gastroschisis taħkem madwar persuna minn kull għoxrin elf, u binha huwa wieħed minn żewġ persuni f’Malta u Għawdex li qatt ħakmithom din il-kundizzjoni.
Hija qaltilna: “Għalina d-dinja spiċċat dakinhar. Moħħok jaħseb fl-agħar ovvjament. Jiġifieri pront pront bdejna nfittxu l-għajnuna wkoll mill-Malta Community Chest Fund. Xahrejn wara sirna nafu li Rafael kienu ħa jieħduh l-Ingilterra għal aktar kura, konna Birmingham. Imnalla kienu huma, konna morna ħdejn Claire, fehmitna, laqgħetna, daqslikieku familja.”
Missier Rafael, Isaac esprima s-sodisfazzjon li ħassew meta ngħataw l-għajnuna u kien daqslikieku xi ħadd refgħalhom il-piż minn fuq spallejhom.
Huwa fisser: “Mill-Ingilterra ma tantx kellu ħafna aktar kumplikazzjonijiet iżda kellna koċċ problemi biex nitilgħu lejn l-Ingilterra. Dak l-istress diġà bit-tifel għax kif ħa jibqa’ t-tifel, diġà ma kienx sew hu u kellna ħafna aktar stress ta’ fejn ħa noqogħdu, kif ħa nirkupraw xħin inkunu l-Ingilterra u x’ħa nħawdu imma xħin morna għand il-Malta Community Chest Fund kif qalet Venera laqgħuna mill-ewwel u għenuna u qalulna kif ħa jkunu l-affarijiet u hekk ħadulna problema inqas minn fuq moħħna.”
Grazzi għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, illum Rafael jgħix ħajtu qisu xejn mhu xejn.
Omm Rafael saħqet: “Illum qisu mhux hu, mimli enerġija u aħna dejjem nagħtu l-parti tagħna għall-Istrina għax nafu minn xiex jgħaddu dawn in-nies. Il-mard ikrah u fejn nistgħu ngħinu, ngħinu.”
Venera appellat biex ngħinu kif nistgħu waqt l-Istrina, anke jekk kienet sena mimlija sfidi: “Il-poplu Malti, għaddejna minn sena mwiegħra ta’ 2020 imma nappella biex tkunu ġenerużi u tagħtu l-ftit li tistgħu ħalli tagħmlu l-ħajja tan-nies li jkunu qed ibatu ħafna aħjar.”
U ta’ dan, Rafael jixtieq jgħaddillek messaġġ: “Happy Christmas!”