Mill-illum se tkun qed tibda tintuża l-eks Skola Sekondarja li ġiet rinovata biex tintuża mill-istudenti tal-Primarja f’Ħaż-Żebbuġ. Fi żjara li għamel fl-istess skola, l-Ministru għall-Edukazzjoni,Evarist Bartolo, stqarr li minkejja li diġa sar bosta rinovar u nfetħu skejjel ġodda xorta waħda fadal aktar xi jsir, biex kull student jkollhu spazju adegwat fejn jiżvilluppa l-ħiliet tiegħu.
Huwa spjega kif l-investiment ta’ €800,000 fil-bini tal-iskola sekondarja f’Ħaż Żebbuġ li hija waħda aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltá, attraenti u moderna mhux se jkun l-unika wieħed. Il-Ministru spjega li wara dan il-proġett jeħtieġ li ssir ħidma sabiex jinfetaħ child care centre f’Ħaż-Żebbuġ kif ukoll isir rinovar fil-klassijiet tal-Kindergarten.
Fi kliemu fisser kif jeħtieġ li jsir anke xogħol ta’ rinovar fl-iskejjel ta’ Ħaż-Żabbar, Ħal Qormi, Mosta u Birkirkara fost oħrajn. Il-Ministru spjega kif wara li nbnew skejjel ġodda f’Ħad Dingli u Ħal Kirkop jeħtieġ li jinbnew aktar skejjel din id-darba fir-Rabat Għawdex, Marsaskala u San Pawl il-Baħar.
Iżda l-Ministru għall-Edukazzjoni jemmen li l-edukazzjoni m’għandiex titkejjel bil-bini u li minkejja li dan l-investiment huwa wieħed importanti jeħtieġ li tiġi indirizzata sfida akbar. Huwa fisser kif l-akbar sfida fis-settur tal-edukazzjonij jeħtieġ tiġi indirizzata permezz tal-introduzzjoni ta’ programmi edukattivi li jappellaw għal tfal b’ħiliet u intelligenza differenti.
“Nemmen li s-sistema edukattiva tagħna, għadha tiddeċiedi fuq il-prinċipju ta’ one size fits all u għalhekk irridu nassiguraw li din tinbidel.”
Il-Ministru Bartolo spjega li aktar ma pajjiżna jesperjenza tkabbir ekonomiku, is-suq tax-xogħol se jkun qed jitlob aktar ħiliet mill-ħaddiema tagħna u għalhekk huwa kruċjali li l-istudenti minn etá żgħira jingħataw il-ħiliet meħtieġa.