Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li r-riżenja tiegħu tibqa’ hemm fid-dawl li ċ-ċirkostanzi jibqgħu l-istess.
Puli għamel din il-battuta fuq l-istazzjon nazzjonali, f’tentattiv li l-fazzjoni Delia tqaċċat lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
“Tibqa’ hemm jiġifieri?” Saqsa l-ġurnalist.
Puli stqarr, “Però f’din is-sitwazzjoni biċ-ċirkostanzi jibqgħu l-istess ir-riżenja tiegħi kienet tgħodd u tibqa’ tgħodd.”
Puli fisser lill-fazzjoni Busuttil bħala grupp żgħir u ristrett iżda influwenti fil-Partit Nazzjonalista.
“Dan huwa grupp żgħir, grupp ristrett, grupp influwenti kemm trid li ovvjament qiegħed jagħmel dak li għandu jagħmel sempliċiment għaliex irid it-tmexxija.” Qal Puli.
F’aktar messaġġi ta’ firda, li toħroġ iżjed minn qatt qabel il-qasma fonda fil-Partit Nazzjonalista, Puli qal li l-fazzjoni Busuttil baqgħet m’aċċettatx lil Delia bħala Kap.
“Sitwazzjoni politika li qed ixxekkel ħafna lill-Partit Nazzjonalista fejn inti għandek grupp għax biex inkunu ċari u tondi din il-problema ta’. Dan għandek grupp li beda ma kienx miegħu qabel l-elezzjoni tiegħu ta’ Kap u għadu sa’ llum m’aċċettax.” Kompla jgħid.
Fil-programm, Clyde Puli ħareġ id-dwejjaq li kellu meta kien Segretarju Ġenerali f’tal-Pietà.
Puli qal, “Jiena ma’ nistax nagħmel pass biex nimxi l-quddiem, nagħmel pass biex nibni u ħaddieħor iħott.”
Puli ta dettalji wkoll tat-tfixkil li għamlu ta’ Busuttil.
Sostna, “Ejja nibdew insemmu fosthom dawk li kienet ġejja l-elezzjoni ta’ Mejju li għadda tal-Kunsilli Lokali, tal-MEPS u kienu huma li qalu biex jivvutaw lill-PD.”
Puli wissa lil dawk li ilhom jaqtgħu saqajn ta’ Delia u sfidahom biex imeruh.
Qal, “Illum s’hawn se ntik. Tinkwetax niġu darb’oħra u nilħqu nitkellmu. Ħalli jmeri xi ħadd ħalli umbgħad nibdew nitkellmu.”
Fix-xandira, Clyde Puli għadda botta oħra lil ta’ Busuttil li wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, f’Mejju li għadda wkoll riedu jtajru ras Delia.
Stqarr, “Qalu Clyde Puli kuntent bir-riżultat għax semmejt is-surveys. Ara llum qed isemmuhom l-istess nies is-surveys. Illum saru jemmnuhom. Meta semmejthom jien ma emmnuhomx issa saru jemmnuhom. Kemm toġobni din it-tip ta’ konsistenza.”
Clyde Puli fetħilha kontra t-tmexxija ta’ Simon Busuttil u saħaq li l-fazzjoni l-oħra lanqas riditu jagħmel rapport tat-telfa wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda.
“Fl-2017 ma’ sarx rapport tat-telfa u kien żball u nista’ nżid biċċa oħra li ma ktibtx hawn. Fl-2019, issa wara Mejju jien ridt nagħmel rapport tat-telfa imma l-istess nies qaluli ‘le’.” Stqarr Puli.
Il-ġurnalist saqsa, “Għaliex imma?”
“Ma jmurx jippunta subajh lejhom.” Wieġeb Puli.
Clyde Puli akkuża wkoll lil ta’ Busuttil b’leakages selettivi u malinni.
Puli qal, “Min b’modd irresponsabbli u b’mod malinn jagħmel leakages t’affarijiet b’mod selettiva.”
Clyde Puli qal ukoll li fil-Partit Nazzjonalista, fejn fazzjoni ma tarax għajn oħra bdew jiġru ħafna kumbinazzjonijiet.
Kompla jgħid, “Qalu li jien ma waqqaftx anzi jien xoljejt il-Kummisjoni tal-Kandidati, kontra l-Istatut. Gidba oxxena. Kumbinazzjoni filgħodu tibgħat eks Segretarju Ġenerali. Kumbinazzjoni siegħa wara tibgħat gażżetta. Kumbinazzjon nofs siegħa wara jikteb blog. Kumbinazzjoni.”
“Inti qed tgħid għal Rosette Thake?” Saqsa l-ġurnalist.
“Ma qed ngħid għal ħadd.” Temm jgħid Puli.