Ira se tkun liebsa kowt li fuqu se jiġu proġettati elementi viżwali matul l-interpretazzjoni tal-kanzunetta Walk On Water.
Ftit tal-ħin ilu Ira temmet l-ewwel prova ġenerali tagħha li damet madwar nofs siegħa. Ira dehret kunfidenti fuq il-palk u l-ġurnalisti barranin li jinsabu jsegwu dan il-festival fi Stokkolma rrimarkaw li l-vuċi t’Ira kienet stupenda.
Jakkumpanja lil Ira fuq il-palk hemm erba’ backing vocals li ma jidhrux tul l-interpretazzjoni ta’ Ira madankollu l-vuċi soul tagħhom qed tagħti aktar ħajja lid-diska. Ma’ Ira wkoll fuq il-palk hemm dak magħruf bħala Skorpion Dancer, iż-żeffien li jidher ukoll fil-vidjo mużikali ta’ Walk On Water. Iż-żeffien jagħmel għadd ta’ movimenti biex lejn l-aħħar tal-kanzunetta jneħħi l-kowt minn fuq Ira u din tidher b’libsa qasira sewda.
Għexieren ikkumentaw li l-preżentazzjoni Maltija kienet xi ħaġa innovattiva u qatt ma ntuża bħala fil-Eurovision. Filfatt il-kowt li Ira se tkun liebsa huwa mas-sitt metri twil u hu ta’ kulur beige. Flimkien mad-delegazzjoni Maltija, Ira kellha ċ-ċans li wara l-prova tidħol f’dik imsejħa bħala l-viewing room u tara l-aspett viżiv marbut mal-kanzunetta. Illejla Ira għalqet l-ewwel provi tal-pajjiżi kollha li qed jikkompetu fl-ewwel semifinali u t-tieni prova tagħha hija skedata għal nhar il-Ġimgħa filgħaxija. Ira se tkun qed tikkompeti fil-Eurovision bħal-lum ġimgħa bit-tama li tikkwalifika għas-serata finali tas-Sibt 14 ta’ Mejju.
Ritratti: EBU