Hekk kif għada mill-ġdid jiftu l-VRT Stations skond kif imħabbar mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, Transport Malta ħabbret numru ta’ regoli ġodda għal dawk li jkun imisshom jieħdu l-vettura tagħhom għat-test.
Ewlenija fosthom hija li persuna li se tkun qed tmur biex tittestja l-vettura tagħha, għandha tnaddaf sew il-vettura tagħha kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.
Dan bħala prekawzjoni mit-tixrid għall-imxija tal-Covid-19. Fil-fatt Transport Malta tenniet li l-persuna inkarigata mit-test għandha d-dritt tirrifjuta li teżamina l-vettura jekk l-indafa tal-karozza ma tilħaqx il-livell meħtieġ.
Transport Malta qalet ukoll li kull min skadietlu l-liċenzja tal-vettura wara Marzu u April 2020, u kellu bżonn il-VRT issa jista’ jagħmlu.
Biex il-proċess isir b’kawtela u ma jkunx hemm iffullar, Transport Malta spjegat li qed tagħti perjodu ta’ 3 xhur ċans biex isir it-test u wara titħallas il-licenzja tat-triq tal-vettura għand wieħed mill-aġenti tal-Assikurazzjoni rispettivi.
Il-perjodu ta’ 3 xhur jibda minn nhar it-Tnejn 4 ta’ Mejju 2020 u jispiċċa fil-31 ta’ Lulju 2020.
Dan ifisser li wara l-1 ta’ Awwissu 2020 mhux ser ikun permessibli li tinstaq vettura fit-triq bil-liċenzja skaduta.