Myriam Spiteri Debono hi persuna kapaċissima. Din kienet dikjarazzjoni li għamel il-President tar-Repubblika George Vella, f’intervista li saret mill-ġurnalist ta’ ONE, Francesco Borg, ftit sigħat biss qabel itemm il-mandat tiegħu.
“Kieku ma kontx nafha, ma kontx nitkellem, imma lil Myriam nafha. Myriam fil-passat konna ħbieb ħafna, kellna kuntatt ħafna. Jien għalija persuna intelliġenti ħafna, bniedma iffokata, li għandha knowledge legali kbir u ta’ prinċipju.”
Il-President George VellaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Waqt li awguralha għall-futur, il-President Vella sostna biex, quddiem l-isfidi li se tiffaċċja, Myriam Spiteri Debono tieħu l-pariri siewja mingħand min tafda.
Fl-istess intervista, il-President uxxenti ġie mistoqsi wkoll dwar id-diffikultajiet li ffaċċja hu stess matul il-ħames snin li għaddew. Fost l-oħrajn, ma naqasx milli jsemmi l-pandemija li ħarbtet mhux ftit il-ħidma tiegħu.
“Fil-bidu, jien ċert li n-nies ma nesewx, meta bdejna naraw dawk it-twiebet kollha f’Bergamo jitgħabbew mit-trakkijiet tal-armata biex jittieħdu kemm jista’ jkun malajr, it-twerwir tagħna kien li aħna pajjiż żgħir, għandna populazzjoni densa ħafna u jien bħala tabib, l-inkwiet tiegħi kien qisu ċigċifogu, li jekk se jeħodlok in-niċċa, se jieħu kullimkien. Għall-grazzja t’Alla kont zbaljat.”
Il-President George Vella
Madankollu, Dr Vella spjega li xorta ħadem kemm seta’ biex jippromwovi lil pajjiżna, tant li ma tilifx okkażjoni waħda barra minn xtutna biex jimbotta anke l-ħsibijiet tagħna bħala poplu.
Waqt li rringrazzja lill-poplu Malti għall-ġenerożità tiegħu, il-President Vella spjega li kull ma jmur il-mediċini għal pazjenti tal-Malta Community Chest Fund qed jogħlew ħafna u spjega li hemm pazjenti li qed jieħdu mediċini li jiswew mal-mija u ħamsa u erbgħin elf ewro fis-sena.
Il-President Vella rringrazzja wkoll lil qrabatu, speċjalment lil martu, Miriam Vella, li tul dawn il-ħames snin kienet ta’ spalla kbira għalih.
“Fuq Miriam nista’ ngħid ħaġa waħda biss … Miriam kienet dejjem ta’ spalla kemm meta kont nipprattika bħala tabib, kemm meta kont fil-politika fil-bidu u fil-Presidenza naħseb li tat il-kontribut tagħha wkoll.”
Il-President George Vella
ONE News staqsa x’qed jirriserva l-futur għat-Tabib George Vella għal wara l-Presidenza.
“Iż-Żejtun morna diġà, bdejna norqdu mill-Ġimgħa l-Kbira, inżilna hemmhekk. Li tmur lura d-dar hi xi ħaġa sabiħa. Però ħa nagħlaq tnejn u tmenin sena. Jien biex niċċajta għedtilhom li se mmur napplika għal xi part-time, imma din hi ċajta ovvjament. Hemm x’tagħmel ta, trid tissortja l-karti, il-kotba.”
Il-President George Vella
“Jien dejjem ngħid, l-ewwel ma titlob, titlob lil Alla biex jagħtik is-saħħa li tkun kapaċi tkompli u mbagħad timxi skont il-ġurnata.”
Il-President George Vella