Hekk kif bdew jitnaqqsu r-restrizzjonijiet b’kawtela kbira, grupp ta’ żgħażagħ li għandhom il-mużika għal qalbhom, se jkunu flimkien biex itellgħu spettaklu speċjali virtwali b’mużika li tolqot il-widna ta’ kulħadd u b’xenarji ta’ Għawdex li jpaxxu l-għajn.
Stefano Sicari, id-DJ għal dan l-avveniment spjega kif filwaqt li hu u sħabu ssoltu jiltaqgħu f’avvenimenti kbar, iċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa biddlu kull tip ta’ normalità u għalhekk xtaqu joħolqu xi ħaġa differenti.
Kien għalekk li ħarġu bl-idea li jtellgħu avveniment virtwali, b’mużika li tolqot lil kull ġeneru.
Dan mhux biss se jferraħ lil min jinsab waħdu d-dar, iżda wkoll se jgħin fil-ġbir ta’ donazzonijiet għal Dar Bjorn sabiex tinfetaħ it-tieni dar f’Ħaż-Żebbuġ.
Huwa qal: “l-għan prinċipali huwa wieħed li niġbru d-donazzjonijiet biex ngħinu lil Dar Bjorn u ALS malta.”
Kull min jixtieq jagħti donazzjoni, jista’ jibgħat SMS fuq 50618170 jew iċempel fuq 51702016.
Stefano sostna: “Il-messaġġ hu wieħed li nkomplu nobdu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, nagħmlu kuraġġ bħala poplu, nibqgħu nuru l-valuri tagħna, u wara kollox nagħtu d-donazzjonijiet tagħna lill-ALS Malta.”
Dan l-avveniment se jittella’ onlajn b’mod dirett nhar il-Ħadd fuq bosta mezzi fosthom fuq one.com.mt u ONE Radio.
It-trażmissjoni tibda fis-6:30 ta’ filgħaxija, u x-xandira diretta se tixxandar ukoll mid-Dwejra f’Għawdex.