L-akbar festival iddedikat lill-mużika Maltija, ‘Mużika Mużika’, jirritorna mil-lejla fir-raba’ edizzjoni tiegħu, li tibqa’ għaddejja sas-Sibt, fl-MFCC f’Ta’ Qali u se tkun qed tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjon nazzjonali.
‘Mużika Mużika’ sar magħruf għal-livell għoli tiegħu kemm ma’ diversi kantanti, awturi u kompożituri lokali, kif ukoll ma’ bosta segwaċi li ta’ kull sena jistennewh b’ħerqa kbira biex jisimgħu 20 kanzunetta oriġinali bil-Malti tal-ogħla livell.
Illlum, il-parteċipanti semifinalisti se jippreżentaw il-kanzunetti tagħhom għall-ewwel darba, fejn l-udjenza wkoll se tiġi mistiedna tivvota għall-kanzunetta favorita.
Għada, il-Ġimgħa, terġa’ ssir is-‘Serata tal-Klassiċi’, fejn il-parteċipanti se jkantaw ma’ 20 kantant stabbilit fix-xena tal-mużika lokali. Fl-aħħar ta’ din is-serata jitħabbru t-12-il finalist, li jerġgħu jippreżentaw il-kanzunetta tagħhom l-għada s-Sibt 16 ta’ Marzu, biex finalment titħabbar il-kanzunetta rebbieħa għal din is-sena.
ONE News żar l-aħħar tħejjijiet għall-festival fl-MFCC, fejn segwejna l-aħħar rehearsals fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Il-Ministru stqarr kif wieħed mill-aqwa modi kif tippromwovi u tmexxi ’l quddiem il-lingwa hu li ttella’ festivals ta’ dan il-livell fejn it-talent li għandna f’pajjiżna jiġi ċċelebrat f’qafas daqstant sabiħ bis-saħħa tal-aġenzija tal-Gvern, Festivals Malta.
“L-ewwel nett dan hu festival li hu f’qalb il-poplu Malti u Għawdxi kollu, għax jiċċelebra waħda mill-aktar affarijiet li nħobbu aħna l-Maltin u ġustament il-lingwa tagħna.”
Waqt l-istess żjara tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, fejn tana rendikont tal-preparameni għal dan il-festival.
“Prattikament il-preparamenti jibdew mill-għada li jispiċċa l-festival però mbagħad ovvjament l-affarjiet jilħqu l-kulminu tagħhom fl-aħħar prattikament ħmistax, tliet ġimgħat. Fejn litteralment nittrasferixxu ruħna hawn fuq aħna u n-nies tekniċi li, imbagħad, jibda jinbena dak kollu li qegħdin taraw.”
Aktar tagħrif u dwar il-biljetti wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali tal-festival – www.muzikamuzika.mt.