Mużika Mużika se jirritorna għat-tielet sena konsekuttiva, b’għoxrin kanzunetta oriġinali bil-Malti.
Il-Ministru għall-Arti Owen Bonnici ħabbar li bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti loġistiċi fosthom il-bini tal-palk, il-kordinament tal-provi artistiċi, u teknikalitajiet oħra biex, għal darb’oħra, dan il-festival ikun suċċess.
Qal, “Aħna għandna kollox lest biex ikollna Mużika Mużika sabiħ immens. Din is-sena edizzjoni fantastika, bl-aqwa kantanti, awturi u kompożituri jieħdu sehem kemm fil-kompetizzjoni kif ukoll bħala mistiedna. Dan huwa festival li jolqot l-imħuħ u l-qlub tan-nies għax jitkellem dwar l-aktar ħaġa li tiddefinixxina bħala poplu.”
Din is-sena, il-festival se jospita lil Kantera, filwaqt li għall-finali bħala mistiedna speċjali se jkun hemm Kurt Calleja u Ira Losco.
George Bonello, membru fil-grupp mużikali Kantera, spjega l-importanza ta’ festivals bħal dawn għall-artisti Maltin.
Qal, “Festival bħal dan huwa importanti ħafna għall-artisti Maltin speċjalment bħalna li bdejna minn hemm. Festival li huwa pjattaforma kbira għall-artist Malti li jesprimi u juri t-talent tiegħu permezz tal-mużika u l-lirika ta’ dak li hu Malti.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li huwa kburi li Festivals Malta qed toffri pjattaforma ta’ dan il-kalibru lil diversi kantanti, awturi u kompożituri lokali għat-tielet sena konsekuttiva.
Ic-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja kompla jisħaq fuq l-impatt pożittiv li ħalla dan il-festival, mhux mal-udjenzi biss, iżda wkoll mal-artisti lokali.
Bħal kull sena, Mużika Mużika se joffri tliet serati ta’ mużika Maltija tal-ogħla livell.
Mużika Mużika se jsir fl-MFCC Ta’ Qali bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu, u ser jixxandar b’mod dirett.
Il-biljetti u aktar informazzjoni jinsabu fuq muzikamuzika.mt.