Ġiet imnedija r-raba’ edizzjoni tat-Three Palaces Festival, li se jsir bejn l-4 u t-13 ta’ Novembru ta’ din is-sena.
Festival ta’ ġimgħa b’kunċerti mtellgħa fit-tliet palazzi presidenzjali u storikament importanti, f’qasir żmien qed isir appuntament importanti fil-kalendarju kulturali Malti.
Fost l-artisti li se jagħtu kunċerti fis-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Gran Mastri, il-Palazz Verdala, il-Palazz ta’ San Anton u t-Teatru Manoel hemm is-sopran Ailyn Perez (li tidher fir-ritratt) u l-vjolonċellista Steven Isserlis.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival tinkludi wkoll kunċerti mill-artist tal-kitarra klassika Sean Shibe, il-vjolinista Ania Safanova, l-ensemble tal-mużiċisti tar-ram The Wallace Collection, kif ukoll il-vjolinista Carmine Lauri, il-kompożitur Karl Fiorini, il-pjanista tal-ġazz Dominic Galea u s-sopran Nicola Said.
Wieħed mill-għanijiet tal-festival hu li jippromovi l-arti bħala mezz li jipprovdi divertiment, filwaqt li joħloq opportunitajiet ta’ tagħlim permezz ta’ kunċerti imma wkoll attivitajiet għall-komunità. Għalhekk, bħala parti mill-programm għall-komunità, tlieta mill-artisti li se jieħdu sehem fil-festival se jmexxu wkoll master classes maħsuba għal udjenzi differenti.
Il-biljetti għall-kunċerti se jkunu għall-bejgħ mill-10 ta’ Awissu.