Fadal ftit jiem biss għat-tieni edizzjoni tat-Talbot & Bons Live Music Marathon.
F’dak li jippromettu li ser ikun tmiem il-ġimgħa mimli gost ta’ mużika live non-stop, Talbot & Bons qegħdin jagħmlu l-aħħar preparamenti għal dan l-avveniment uniku: 60 siegħa ta’ mużika live mingħajr waqfien il-ħin kollu u matul il-lejl, li jibda f’nofs in-nhar tal-Ġimgħa, 21 ta’ Ottubru, 2016, u jispiċċa f’nofs il-lejl tal-Ħadd, 23 ta’ Ottubru, 2016.
Talbot & Bons ingħaqdu ma’ entertainment.com.mt biex iwasslu 60 act differenti ta’ ġeneri differenti għal kawża ġusta. Din id-darba għażlu mod differenti kif jgħinu dawk fil-bżonn.
It-tema tal-maratona hi ‘Minn mużiċisti, għal mużiċisti’ u permezz tagħha l-artisti li ser ikantaw u jdoqqu b’xejn ser jgħinu biex jinġabru fondi għal tfal u żgħażagħ żvantaġġati li qegħdin ifittxu l-opportunità li jibdew jew ikomplu jkabbru t-talent mużikali tagħhom f’xi qasam partikolari bħal vuċi, perkussjoni jew gitarra.
Formola ta’ applikazzjoni tinġabar minn Talbot & Bons, SkyParks Business Centre, Malta International Airport, jew tmur fuq www.entertainment.com.mt/application, fejn hemm lista tal-organizzazzjonijiet minn fejn tista’ tiġbor formola.
Ser ikun hemm artisti emerġenti, flimkien ma’ ismijiet rinomati, bħal Claudia Faniello, Nadine Axisa, Alwyn Borg Myatt, Skarlet u Vinny Vella Jr. Allura ejja u ħu sehem f’dan l-avveniment u kun ġeneruż bid-donazzjoni tiegħek biex numru ta’ tfal u żgħażagħ ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-kawża ġusta.
Donazzjonijiet ser jinġabru matul il-maratona jew billi tibgħat SMS fuq wieħed minn dawn in-numri: 5061-7312 (€2.33), 5061-7915 (€4.66) and 5061-9245 (€11.65).