Nhar is-Sibt, 10 ta’ Novembru, Heritage Malta inawgurat il-ftuħ uffiċċjali tal-mużew il-ġdid tal-arti MUŻA; investiment ta’ 10 miljun ewro, ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. MUŻA huwa wkoll il-proġett prinċipali tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, li se jkompli jmexxi l-quddiem il-wirt li ħalliet din l-okkażjoni unika.
L-isem magħżul MUŻA huwa taqsira għal MUŻew tal-Arti u anki għall-kelma Maltija li tfisser ispirazzjoni, filwaqt li t-tikka fuq iz-z (Ż) tenfasizza l-esklussività tal-alfabet Malti. L-isem jirrelata wkoll mal-mużi li kienu kreaturi mitoloġiċi taż-żmien klassiku li jispiraw il-kreattività.
Permezz ta’ kollezzjoni ta’ aktar minn 20,000 biċċa xogħol tal-arti, MUŻA se tkun qed twassal stejjer interessanti li bihom se tilħaq firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, partikolarment kommunitajiet. Il-lwog strateġiku tal-mużew, fil-qalba tal-Belt, flimkien maż-żewġ daħliet tiegħu – waħda li tagħti fuq Triq Merkanti u l-oħra li tagħti għal Pjazza Jean de Valette – se jiġbdu lin-nies ħalli jduru fil-bitħa prinċipali li issa saret spazju pubbliku. MUŻA għandu wkoll kafeterija, kamra tal-pranzu, uffiċċju tal-informazzjoni għat-turisti u ħanut speċjalizzat bi prodotti ta’ kwalità.
Minħabba l-konferenza internazzjonali Network of European Museum Organisations (NEMO) li saret f’MUŻA, mill-15 sat-18 ta Novembru, il-mużew kien magħluq għall-pubbliku.
Din il-ġimgħa, MUŻA se jilqa’ fih numru ta’ avvenimenti, fosthom il-Festival Malhalla li se jiġi organizzat kuljum matul il-ġurnata mis-6:00pm ‘l quddiem. Dan l-avveniment se jinkludi diskussjonijiet, films u proġetti tal-komunità. MUŻA se tkun qed turi xogħolijiet ta’ artisti internazzjonali li ġejjin minn reġjuni varji tal-Mediterran. Uħud minn dawn l-artisti wettqu xi xogħolijiet anki hawn Malta. Matul il-ġurnata, il-mużew se jkun magħluq bi preperazzjoni għall-avveniment ta’ fl-għaxija. Madanakollu l-pubbliku huwa mistieden jattendi għall-festival fil-għaxijiet. Il-galleriji tal-arti mhux se jkunu aċċessibbli waqt dan il-festival.
MUŻA se jiftaħ il-bibien tiegħu b’mod permanenti għall-pubbliku s-Sibt 15 ta’ Diċembru meta Heritage Malta se torganizza Open Day mill-10:00am sa nofs il-lejl bi dħul bla ħlas għal kulħadd.
Mil-Ħadd, 16 ta’ Diċembru, MUŻA se jkun miftuħ bħall-mużewijiet l-oħra ta’ Heritage Malta – mid-9:00am sal-5:00pm (l-aħħar dħul fl-4:30pm).
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit ta’ Heritage Malta http://www.heritagemalta.org