Illejla se jkun inawgurat il-proġett MUŻA – proġett li sar b’investiment ta’ €10 miljun fejn se jkun l-ewwel mużew nazzjonali tal-arti f’pajiżna.
Dan il-proġett se jkun qed jiġi inawgurat mill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici. F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici spjega kif ilha x-xewqa fis-soċjetà tal-kultura li pajiżna jkollu mużew għall-arti kif wieħed jista’ jsib barra minn xtutna.
Spjega kif sa fl-aħħar twettqet ix-xewqa tal-komunità tal-arti permezz ta’ mużew ta’ livell straordinarju li sar b’investiment ta’ €10 miljun minn fondi Ewropej. Spjega kif dan hu rigal għal uliedna u l-komunitajiet kollha li jemmnu fil-kultura u l-kreattività.
MUŻA kien issemma wkoll fuq sit internazzjonali bħala wieħed mill-15-il mużewijiet ġodda li se jiftħu din is-sena madwar id-dinja li għandhom sinifikanza fl-arkitettura u l-arti.