Emma Said ta’ 15-il sena klassifikat fit-tielet post fi klassi C tal-kampjonati regjonali Taljani tat-Trials 2024, li saru fi tmiem il-ġimgħa, fi Piemonte l-Italja.
Dawn il-kampjonati jiġu organnizzati mill-Federazione IKtaliana Motociclismo (FMI) u huma meqjusa bħala kompetizzjonijiet important fl-Italja.
Said wriet ħeġġa u teknika kbira f’din il-kompetizzjoni fejn hi tilfet biss tliet punti penali tul il-kompetizzjoni kollha. Dan minkejja l-kundizzjonijiet xejn tajba tat-terren li Said saqet fuqu fejn kien mimli tajn, xi ħaġa li Said mhux imdorrija bih hawn Malta.
Said klassifikat fit-tielet post minkejja li l-klassi li saqet fiha kienet komposta minn żgħażagħ subien u bniet. Dan ma fixkel xejn mill-konċentrazzjoni ta’ Said li kienet kapaċi taddata għall-kundizzjonijiet ġodda u tpoġġi l-mutur tagħha fuq il-podium, biex tikseb unur għaliha.
Fl-Italja, Said kienet appoġjata mill-coach Stefano Bertolotti u Alessia Bacchetta li ma humiex ismijiet ġodda kemm għax-xena tat-Trials kif ukoll għal Malta, fejn Bertolotti mexxa training camp f’ Malta f’Novmebru tal-2023. Bacchetta, li hija xufier uffiċjali tal-GasGas, ukoll kienet f’Malta f’Dicembru tal-2023. Huma kienu strumentali għas-suċċess ta’ Emma Said f’din il-kompetizzjoni.
Said issa terġa’ tkun impenjata fil-25 u 26 ta’ Mejju 2024 fejn ħa tieħu sehem fl-ewwel round tal-kampjonati Ewropej organizzati mill-Federazzjoni Ewropeja tal-Muturi (FIME). Din ser issir fi Pizzatorre fl-Italja. Wara dan is-suċċess, jawgura tajjeb li Said tmur tajjeb ukoll fuq livell Ewropew u f’kompetizzjonijet oħra li tieħu sehem.