Sewwieq ta’ mutur indarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Gudja.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħodu fi Vjal l-Avjazzjoni, il-Gudja.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li għal xi raġuni seħħ impatt bejn vettura tat-tip Chevrolet Cruze li kienet misjuqa minn mara ta’ 48 sena, residenti s-Siġġiewi u mutur Yamaha Crypton li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 69 sena li joqgħod Ħaż-Żabbar.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.