Kundizzjonijiet deskritti mill-unjin tal-għalliema bħala “medjokri” qed iwasslu għall-kriżi fil-professjoni tal-għalliema. Qalet l-istess unjin li f’konferenza tal-aħbarijiet stqarret li l-iskala tas-salarji hija baxxa u riġida li mhix tagħmel il-professjoni ta’ għalliema bħala waħda kompettitiva.
Kevin Bonello, President tal-Unjoni tal-Għalliema qal li fost oħrajn hemm nuqqas ta’ għalliema f’suġġetti ewlenin bħal l-Ingliż, il-Matematika, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni Fiżika. Nuqqas ukoll f’dawk li huma Learning Support Assistants. Biex fi kliem Bonello l-amministrazzjoni tal-iskejjel qed issibha diffiċli tissostitwixxi ħaddiema li jkunu bil-leave tal-maternità, fost oħrajn.
L-unjin tal-għalliema lmentat ukoll mid-diversi riformi li fi kliemha ma jagħtux nifs lill-għalliema u kellha kritika wkoll lejn il-fakultà tal-edukazzjoni fl-università ta’ Malta li fiċ-ċirkostanzi ma bdietx korsijiet filgħaxija.