Elon Musk ħabbar li se jirriżenja minn kap eżekuttiv ta’ Twitter, meta jsib lil xi ħadd “iblah biżżejjed biex jaċċetta dan l-impjieg”.
Dan qalu fl-isfond li wiegħed li jirrispetta r-riżultat ta’ stħarriġ li għamel fuq Twitter stess, li 57.5% tal-utenti jivvutaw “iva” meta staqsa għandux iċedi r-rwol.
Il-biljunarju qal li xorta se jmexxi t-timijiet tas-software u s-servers wara li jinstab is-sostitut tiegħu. Il-bidliet li saru fuq Twitter minn meta ħa f’idu din il-pjattaforma soċjali qed jiġu kkritikati ħafna.
Minn mindu Musk xtara s-sit tal-midja soċjali f’Ottubru, keċċa madwar nofs il-ħaddiema u pprova jneħħi l-karatteristika ta’ verifika bi ħlas, qabel ma ssospendiha temporanjament. Madanakollu, din il-karatteristika ġiet imnedija mill-ġdid il-ġimgħa li għaddiet.