Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-festival mużikali MUSIC+ li se jibda fit-28 ta’ Settembru u jibqa’ għaddej sa Novembru, u se jkun jinkludi recitals, master classes, workshops, taħditiet, u konferenza.
Il-Ministru Caruana qalet li The Classique Foundation kienet waħda minn dawk l-għaqdiet volontarji li bbenefikat mill-iskema ta’ għajnuna li nieda l-Ministeru għal Għawdex biex tassisti għaqdiet voluntarji Għawdxin. Hi ferħet lil din il-fondazzjoni għat-tħejjija ta’ programm varjat kemm b’elementi kulturali kif ukoll edukattivi. Barra mill-master classes, se jiġu organizzati żewġ workshops għat-tfal tal-primarja biex iwasslu iżjed apprezzament tal-opra lirika, dan sabiex tkompli tittrawwem il-kultura ta’ Gozo is Opera / Opera is Gozo, qalet il-Ministru Caruana.
Dan il-festival se jifforma parti integrali mill-programm li nieda l-Ministeru għal Għawdex biex ikompli jsaħħaħ l-esperjenza tal-opra f’Għawdex, saħqet il-Ministru Caruana. ‘Il-kalendarju kulturali Għawdxi hu wieħed mimli u attivitajiet bħal dawn ikomplu jagħtu valur miżjud lil dan il-kalendarju vast li jkompli jistabbilixxi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta matul is-sena kollha’, qalet il-Ministru Caruana.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista jżur il-paġna ta’ Facebook ta’ The Classique Foundation.
Ritratti: MGOZ