‘Music of The Night’, kunċert b’orkestra ta’ 45 ruħ u l-Kor Parrokkjali tal-Fgura, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Simon Ellul flimkien ma’ diversi kantanti se jkun qed jixxandar l-Erbgħa 28 ta’ Diċembru fid-9pm fuq ONE
Dan il-kunċert, mtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Fgura, jinkludi diversi siltiet minn musicals, opra, films u anke kompożizzjonijiet oriġinali mill-istess direttur ta’ l-orkestra.
Il-kantanti li jieħdu sehem waqt dan il-kunċert jinkludu lit-Tenur Aldo Busuttil u l-kantant Darrel Pace. Lis-sopran Lara Azzopardi u lill-kantanta Maria Ellul, li ser tkun ukoll mużiċista bil-vjolin mal-orkestra. Interessanti l-fatt li l-Kunsill Lokali tal-Fgura wera x-xewqa li l-kantanti u l-kor ikunu kollha mill-lokal tal-Fgura, biex hekk jippromwovi t-talent lokali li tħaddan din il-lokalita’.
Il-mużika li ser tindaqq ser tkun varjata u ser tolqot il-gosti ta’ kulħadd. Ser naraw mużika minn musicals, bħal ‘Think of Me’ mill-musical ‘The Phantom of the Opera’ u mużika minn films bħal ‘Gabriel’s Oboe’ u mill-film ‘The Mission’. Mużika klassika bħall- ‘Waltz no. 2’ u ‘Nessun Dorma’, kif ukoll mużika li tvarja mill-klassiku għall-mużika pjuttost pop.
Peress li din is-sena ċċelebrajna it-tmenin sena mill-wasla tal-konvoj bl-isem ta’ ‘Pedestal’, iktar magħruf magħna l-Maltin bħala l-konvoj ta’ Santa Marija, inkitbet biċċa mużika oriġinali mill-Kompożitur u s-Surmast Simon Ellul. Din tirrakkonta l- vjaġġ tal-vapuri merkantili u militari lejn Malta f’Awwissu tas-sena 1942. Il-biċċa mużika, iġġib l-isem ta’ ‘Operation Pedestal’.
Silta oħra oriġinali inkitbet għall-memorja ta’ Nażżarenu (Żaren) Farrugia, li ta kontribut kbir, mhux biss fil-Fgura, iżda fil-qasam edukattiv, ghax kien għalliem fl-Istitut Tekniku ta’ Raħal Ġdid u kien ukoll membru attiv tas-soċjeta’ tad-duttrina tal-
Museum.
Diversi siltiet għandom ukoll messaġġ meta jindaqqu jew jitkantaw, bħal ‘Fall on Me’ li tgħaddi messaġġ sabiħ dwar li tkun ġenitur. Il-famuża ‘Va Pensiero’ ta’ Giuseppe Verdi, kif ukoll il-kanzunetta ‘Ave Maria’ kif kantata minn Beyonce, huma minnhom infushom talbiet fil-forma ta’ mużika, li jsaħħru lil kull min jismagħhom.