Fil-gazzetti tal-Ħadd kienu ppubblikati żewġ stħarriġ tal-opinjoni pubblika bit-tnejn li huma jgħidu li Joseph Muscat kompla jsaħħaħ il-fiduċja u kabbar il-vantaġġ għall-mistoqsija dwar min hu l-iktar mexxej fdat bejnu u bejn Simom Busuttil.
F’The Malta Independent 48.1% qalu li jafdaw lil Joseph Muscat, filwaqt li 38.5% qalu li jafdaw lil Simon Busuttil. Differenza ta’ kważi għaxra fil-mija.
L-istħarriġ tal-Maltatoday imbagħad jimmarka 5% vantaġġ f’dik li hi fiduċja għal Joseph Muscat fuq Simon Busuttil. Dan b’fiduċja ta’ 41% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ. Żieda ta’ 3.2% għal Joseph Muscat fuq l-istħarriġ tal-Ħadd li għadda qabel bdiet il-kampanja elettorali. Joseph Muscat baqa l-iktar fdat fost il-kategorija deskritta bħala switchers. Vantaġġ b’saħħtu li l-istħarriġ tal-Maltatoday jimmarkah għal madwar għaxra fil-mija. Filwaqt li esperjenza wkoll żieda fost dawk meqjusa bħala votanti tradizzjonalment Laburisti.
Meta l-istħarriġ analizza l-partiti, il-Partit Laburista reġa’ żamm pożizzjoni b’saħħitha. L-istħarriġ ta’ The Malta Independent ta vantaġġ ta’ 7% lill-Partit Laburista u dak tal-Maltatoday 3.2%, li jitla’ għal kważi ħamsa fil-mija meta jkunu analizzati dawk li ddikjaraw l-intenzjoni tal-vot tagħhom u għalhekk jitneħħew dawk li ma jafux jew inkella qalu li mhux se jivvotaw.