• SE JINGĦAQDU IKTAR NIES MAL-MOVIMENT
• KULĦADD SE JINTLAĦAQ MILL-ĠID LI QED JINĦOLOQ
F’attività maħsuba fl-okkażjoni tar-raba’ sena minn meta l-Partit Laburista rebaħ l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Joseph Muscat, wera l-istess entużjażmu ta’ erba’ snin ilu u l-istess determinazzjoni li jibqa’ jmexxi lil pajjiżna ‘il quddiem b’ideat u proġetti ġodda. Quddiemu kellu folla li wieġbet b’entużjażmu għall-frażijiet li lissen, fejn għal darb’oħra spikka l-ottimiżmu u r-referenza għas-suċċessi miksuba fl-aħħar snin.
Sostna li fl-2008 talab mandat ta’ ħmistax–il sena lid-delegati tal-Partit Laburista u tenna li llum ninsabu nofs triq. Qal li erba’ snin wara li rebaħ mandat ta’ Gvern u sena qabel l-elezzjoni ġenerali, il-wegħdi qed jitwettqu biex sa sena oħra “lill-poplu ngħidulu li dak imwiegħed twettaq.”
Fuq kollox qal li s-suċċessi fis-sitt snin li ġejjin se jkunu ikbar minn dawk fl-aħħar erba’ snin.
Hawn tkellem dwar is-suċċessi miksuba f’diversi oqsma. Iż-żieda fil-pensjonijiet għal darba tnejn, l-għajnuna liż-żgħażagħ li jixtru l-ewwel dar, il-bidla fil-qasam tal-enerġija u s-servizz aħjar fis-saħħa. Semma wkoll il-mewġa ta’ drittijiet ċivili li daħlet f’pajjiżna, id-drittijiet ġodda lill-ħaddiema u ż-żieda ta’ nisa fil-post tax-xogħol. Ma naqsitx referenza għas-suċċess ekonomiku u tenna kif is-sabiħ hu li dan kollu nkiseb mhux f’25 sena iżda f’erba’ snin biss. Erba’ snin li se jkunu l-pedament għall-ħames snin li ġejjin.
Il-Prim Ministru nnota kif hemm maġġoranza silenzjuża li f’darha tgħid li dan il-Gvern wettaq dak li wiegħed u mexa ‘il quddiem. “Tgħid li llum qegħdin aħjar minn ħames snin ilu,” qal il-Prim Ministru li nnota kif issa wieħed iħares lejn il-ħames snin li ġejjin bil-mistoqsija tkun jekk dan il-Gvern għandux jingħata l-fiduċja għal ħames snin oħra.
“Hemm irridu niskopru mill-ġdid is-sinjifikat tagħna bħala moviment,” qal il-Prim Ministru. Tenna kif ħaddieħor lanqas kapaċi jżomm partit magħqud aħseb u ara pajjiż.
Il-Prim Ministru rrimarka kif l-Gvern ta ħafna lill-poplu iżda hawn min għad irid jintlaqat iktar. Dawk li mhux ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-ħajja huma l-ewwel nies li l-Gvern irid jgħin.
“Nafu li sakemm nilħqu l-iżgħar wieħed nkunu għadna ma wasalnix. Ħadd mhu se jintesa, il-ġid se jasal għand kulħadd,” qal il-Prim Ministru. Meta tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Oppożizzjoni, Muscat qal li se jkun hemm iktar nies li fil-jiem, il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jersqu lejn il-moviment.
Il-Prim Ministru żied li għandna l-isbaħ żmien ta’ pajjiżna quddiemna. “F’ħajjitna qatt mhu se nesperjenzaw l-opportunità. Mhux biss li bdejna bidla, imma tant kemm inkunu biddilna dan il-pajjiż li jiġri x’jiġri wara, ħadd ma jkun jista’ jreġġa l-arloġġ lura. Irridu nkunu attenti u moħħna hemm. F’dan il-perjodu fejn qegħdin f’nofs ta’ triq nibqgħu mexjin it-triq kollha. Ma nħallu lil ħadd ireġġa l-arloġġ lura,” qal il-Prim Ministru li tenna appell biex ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjoni biex tissokta l-ħidma biex Malta tkun suċċess.