- EBDA PERIKLU GĦALL-BANEK MALTIN
- KULL MINISTERU KIEN LEST GĦAL BREXIT
- M’HEMMX SOLUZZJONI WAĦDA, HEMM 27
Mir-Renju Unit, Malta kellha alleat importanti f’diversi temi li jqumu f’livell Ewropew. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fid-dawl li r-Renju Unit għażel li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, Malta għandha bżonn Gvern sod iktar minn qatt qabel.
Wara laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri, il-Prim Ministru Muscat tenna kemm hu importanti iktar minn qatt qabel li f’dan il-mument pajjiżna jkollu Gvern li jmexxi ekonomija iktar b’saħħitha.
Għal-laqgħa attendew ukoll numru ta’ esperti fosthom il-gvernatur tal-Bank Ċentral li qal li m’hemm ebda periklu għall-banek Maltin.
Il-Prim Ministru irrifletta dwar ir-realtajiet tal-Unjoni Ewropea u qal li din għandha problema li żgur ma ndunajniex biha llum. “M’hemmx soluzzjoni waħda, hemm 27 soluzzjoni,” qal il-Prim Ministru f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja li matulha tenna wkoll: “Dak li għandu jiġi deċiż fil-Belt Valletta, għandu jkun deċiż fil-Belt Valletta. Minn naħa l-oħra dak li jagħmel sens niddeċieduh flimkien, niddeċieduh flimkien,” qal il-Prim Ministru.
Żied li minbarra l-isfidi li se jkollu pajjiżna, hemm opportunitajiet ċari. Fosthom dak fil-qasam tan-negozju, fejn Malta tista’ sservi ta’ pont għar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea.
Tkellem dwar il-Maltin li jistudjaw fir-Renju Unit, li jlaħħqu mal-1,000 persuna. Qal li fis-sentejn li ġejjin mhu se jinbidel xejn, iżda jekk ma jintlaħaqx xi tip ta’ ftehim, jistgħu jiroppjawlhom it-tariffi. Bl-istess mod jinħolqu sfidi ġodda għall-ħaddiema. Tenna li fil-qasam edukattiv jista’ jkun hemm opportunitajiet ġodda, għaliex Malta qed tiżviluppa dan il-qasam f’livell terzarju. Il-Prim Ministru kkonferma li Barts se tissokta bil-proġett tagħha.
Dwar il-qasam tas-saħħa, fejn pazjenti jintbagħtu għall-kura fir-Renju Unit, il-Prim Ministru Muscat qal li dan hu ftehim bilaterali li jibqa’ fis-seħħ.
Tkellem ukoll dwar is-saħħa tal-isterlina, kif illum is-saħħa tal-infieq tal-Ingliżi naqset b’10% u kif din titsa’ timpatta fuq it-turiżmu. Il-Gvern identifika ħames kumpaniji li l-esportazzjoni tagħhom hija kollha kemm hi ffukata fuq ir-Renju Unit u għalhekk hemm bżonn li jingħataw l-għajnuna. Bħalma se jingħata l-għajnuna kull min hu milqut, tant li se jkun hemm helpline mill-ġimgħa d-dieħla. “Ovvjament se jkun hemm ħafna tweġibiet li se jkunu qed jistennew li jingħalqu n-negozjati,” qal il-Prim Ministru, li temm jgħid kif kollox juri kemm il-Gvern huwa b’saħħtu u kemm Malta għandha bżonn gvern b’saħħtu ekonomikament.