Il-ġurnal Taljan, il-Foglio, iddeskriva lill-Prim Ministru Malti bħala mudell għall-mexxejja tax-xellug madwar l-Ewropa.
Ġimgħa wara li Joseph Muscat kien intervistat mill-istess ġurnal, fil-faċċata deher artiklu dwar kif “ix-xellug għandu problema ta’ tkabbir.”
Referenza mhux biss għall-appoġġ li jiksbu l-partiti nfushom iżda wkoll għar-riżultati ekonomiċi xejn tajba li qed jinkisbu minn ċerti pajjiżi. “Ir-riformista Renzi, is-soċjalista Hollande u r-radikali Tsipras. Sa issa ebda gvern progressista fl-Ewropa ma solva l-problemi ekonomiċi,” jgħid l-artiklu li jiffoka fuq pajjiżi kbar.
Hawn jidħol Joseph Muscat u jingħad: “Ir-relazzjoni kumplikata mas-suq hija l-mudell Muscat.”
L-artiklu jgħid kif il-Greċja baqgħet f’riċessjoni u Franza, bejn terroriżmu u ekonomija, hu l-pajjiż marid ta’ veru. Jirrikonoxxi l-isforzi ta’ Matteo Renzi biex iċaqlaq is-suq tax-xogħol iżda jgħid li sa issa ftit li xejn kien hemm suċċess.
Għalhekk, ftit wara li pajjiżna reġa’ kkonferma l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa ma setgħetx tonqos ir-referenza għall-Prim Ministru Muscat. Jingħad li huwa minnu li Malta għandha l-każ partikolari tagħha iżda l-awtur iżid jgħid: “Muscat jista’ jkun il-mudell għall-mexxejja tax-xellug Ewropej.”
Dan ġimgħa wara li f’intervista li ngħatat prominenza ntqal: “Fl-Ewropa hemm politiku Soċjalista Demokratiku żagħżugħ li jikser xi preġudizzji kulturali tal-univers politiku li hu parti minnu, li bidel drastikament il-kodiċi ġenetiku tal-partit tiegħu, li wassal għal rebħa partit li kien waqaf jirbaħ.”
Traskrizzjoni bil-Malti ta’ din l-intervista se tkun ippubblikata fil-ħarġa tal-KullĦadd tal-Ħadd li ġej.