Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li hemm bżonn diskussjoni serja dwar il-prostituzzjoni u l-kannabis. Filwaqt li tkellem kif issa l-Unjoni Ċivili trid tinbidel fi żwieġ. Dawn id-dikjarazzjonijiet għamilhom waqt il-programm il-Ġimgħa fi Pjazza li jixxandar fuq ONE.
Meta tkellem dwar l-użu tal-kannabis il-Prim Ministru qal li saru passi kbar. Dan b’referenza għar-riformi li saru f’din il-leġiżlatura. “Bil-bidliet fil-liġi ħafna miż-żgħażagħ imorru quddiem bord li jieħu d-deċiżjonijiet,” spjega l-Prim Ministru li fakkar kif fil-qasam tal-kannabis bħala mediċina wkoll saret bidla.
“Issa rridu naraw jekk għandniex immorru għal diskussjoni fejn inħarsu lejn din it-tip ta’ ħaxixa f’użu żgħar kif għamlu l-Kanada, il-Portugall u pajjiżi oħra. Jekk tgħidli x’taħseb bħala Joseph Muscat, imqatta’ minn ġewwa fuq din il-kwistjoni,” qal Joseph Muscat li sostna li bħala missier huwa mħasseb ħafna. “Peró nifhem l-argumentazzjoni l-oħra li s-sistema bħalissa qed tiffavvorixxi l-kriminali u jaqbel li tikkontrolla u tkun taf x’qed jiġri. Ma nħossnix qiegħed f’sitwazzjoni li naqta’ l-kundanna imma lanqas li naħbiha taħt it-tapit. Naħseb irid ikollna diskussjoni nazzjonali fejn kulħadd jgħid tiegħu,” qal Muscat.
Dwar il-prostituzzjoni Joseph Muscat ukoll tenna li wieħed ma jistax jibqa’ jaħrab ir-realtà. “Jekk irridu nkunu ipokriti ngħalqu għajnejna għal sitwazzjoni fejn pajjiżna jissemma bħala post fejn ikunu ttraffikati n-nisa,” qal il-Prim Ministru li rrefera għal nisa mil-lvant tal-Ewropa u anke Maltin abbużati.
“Naħseb li wasal iż-żmien li jkollna konsultazzjoni jekk għandniex nirregolaw dan il-qasam,” qal Joseph Muscat li sostna li b’regolamenti serji ma nħallux il-kriminali jabbużaw minn nisa u jwasslu fejn tant persuni jkunu skjavi. Qal li din elettoralment ma tiswa xejn lill-Partit Laburista imma wasal iż-żmien li f’dan it-tieni mandat dawn il-kwistjonijiet tibda ssir diskussjoni dwarhom.
Dwar iż-żwieġ bejn persuni gay kien iktar ċar.
“Wasal iż-żmien li minflok civil union ngħamluha full marriage. Minflok Unjoni Ċivili nsejħulu żwieġ. Naħseb ladarba rajna li ma waqgħetx id-dinja u ma nfetħux bibien is-sema, imbilli tnejn minn nies minflok unjoni ċivili ngħidulhom żwieġ ma nkunu għamilna xejn eċċezzjonali,” qal il-Prim Ministru.