“Jekk irid juri li m’għandux x’jaħbi għandu jmur hu stess jirrapporta biex tkun investigata. Għax jien meta kont akkużat mort jien stess nirrapporta. Naraw x’ħa jagħmel Busuttil!”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sfida lil Simon Busuttil biex jitlob investigazzjoni dwar l-aħħar każ ta’ frodi mill-PN. Dan wara li l-Ħadd filgħodu l-gazzetta KULLĦADD żvelat li l-PN GĦANDU SKEMA OĦRA TA’ FRODI.
Il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil qed jikser ir-regoli tal-Parlament Ewropew, bl-MEPs Nazzjonalisti jgħaddu l-flus li jingħataw għall-uffiċini f’Malta dirett lill-PN. Il-Prim Ministru saqsa x’se jkun qed jagħmel dwar skandlu ieħor fil-lista ta’ skandli tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u fakkar li dwar skandli oħra Simon Busuttil ma ħa ebda azzjoni.
Hawnhekk, il-Prim Ministru għamel referenza għall-iskandlu ieħor tal-Partit Nazzjonalista, skema Pagi PN. Spjega kif il-Kap tal-Oppożizzjoni ġab kriżi fuqu nnifsu għax irċieva SMS- b’referenza għall-flus mgħotija lilu mill-grupp DB. L-istess żball reġa’ għamlu Busuttil meta qagħad fuq dak li qaltlu persuna li hi rikonoxxuta li ipprovat tiffroda lil bank.
Dan hu l-istess kap tal-Oppozizzjoni li daħħal l-iskema taċ-ċedoli biex idur mal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, fakkar Muscat. Kap li pprova jiffroda billi ħareġ invoices foloz għal finanzjament illegali. Kap li ma marx il-qorti biex ikun investigat kif għamel Muscat, anzi mar il-qorti biex iżomm lill-Kummissjoni Elettorali milli tinvestigah għal ksur tal-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti. Hawnhekk, il-Prim Ministru saqsa:
“Jekk ma jridx ikun investigat, xgħandu x’jaħbi l-Kap tal-Oppożizzjoni?” – JM