“Beda il-proċess li permezz tiegħu il-power station tal-BWSC naqtawlha ż-żejt u nibdew inħaddmuha bil-gass” Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività politika f’Ħaż-Żabbar.
Qal li fix-xhur li ġejjin se jidħol it-tanker li se jintuża għall-ewwel fażi tal-proġgett tal-qalba minn Heavy Fuel Oil għall-gass. Barra minn hekk diġa’ beda l-proċess biex fi ftit snin jibda jintuża pipeline tal-gass li jgħaqqad lil Malta mal-kumplament tal-Ewropa: ħaġa li setgħet saret snin ilu imma li se jkun dan il-Gvern li se jagħmilha.
Fuq tema differenti l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-‘feel good factor’ li qiegħed iħoss il-poplu ġej mid-differenza li qiegħed jara fil-but tiegħu u fl-andament tal-ekonomija.
Tkellem dwar kemm l-investiment li ġej minn barra qed joħloq postijiet tax-xogħol, u fakkar li din il-ġimgħa kellna l-aħħar minn sensiela ta’ investimenti, b’kumpanija tal-catering tinvesti sittax-il miljun ewro.
Malta tibqa’ l-aqwa pajjiż fl-Ewropa fejn jidħu d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ. Wara 25 sena li fih ma sar ebda titjib fil-pensjonijiet, f’Jannar ta’ din is-sena eluf ta’ pensjonanti rċevew żieda fil-pensjoni tagħhom. “Dan għadu mhux biżżejjed” qal il-Prim Ministru, u fil-baġit ta’ din is-sena l-pensjonanti mhux se jkunu minsija.
Tkellem dwar il-ħolqien ta’ middle class ġdida u it-tkattir ta’ aktar ġid. Iżda filwaqt li jiżdied il-ġid fil-pajjiż, il-Prim Ministru għaraf li għad hawn min għadu fqir. Għalhekk il-ġid li qiegħed jinħoloq irid jitqassam fost aktar nies. It-tkabbir ekonomiku mingħajr ġustizzja soċjali ma tiswa għal xejn. Imma l-ewwel, emfasizza l-Prim Ministru, irid jinħoloq il-ġid.