L-istħarriġ tal-maltatoday wera li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, baqa’ ferm iktar fdat mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, li wara li f’Diċembru niżel taħt l-għaxra fil-mija din id-darba ma kellux fejn inaqqas iktar. Fil-fatt irreġistra xi żidiet biex hu fdat minn 15% tal-Maltin, filwaqt li l-Prim Ministru huwa fdat minn 41% tal-Maltin. Dan ifisser li għal darb oħra, Joseph Muscat, żamm vantaġġ sod anke jekk fil-pożizzjoni ta’ Prim Ministru fejn il-kariga titolbu jieħu deċiżjonijiet kontinwi.
Jirriżulta li Joseph Muscat huwa fdat iktar minn Delia fir-reġjuni kollha madwar il-pajjiż, bl-ikbar distakk bejn it-tnejn, favur il-Prim Ministru, insibuh fit-8, id-9 u l-10 distretti. Distretti li tradizzjonalment huma magħrufa għall-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista.
L-istħarriġ ipoġġi wkoll f’pożizzjoni b’saħħitha lill-Partit Laburista fejn li kellha ssir elezzjoni għada jirbaħ b’vantaġġ sostanzjali. Mistoqsija l-min jivvotaw li kellha ssir elezzjoni għada dawk li wieġbu l-istħarriġ għażlu lill-Partit Laburista b’vot ta’ 42%, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista rreġistra 28.9%. L-appoġġ għal Alternattiva Demokratika kien ta’ 1.2% filwaqt li l-Partit Demokratiku ma rreġistrax biżejjed appoġġ li jkun immarkat fl-istħarriġ.
Bħal Joseph Muscat, il-Partit Laburista jgawdi vantaġġ fit-territorji kollha madwar il-pajjiż.