Żewġ stħarriġ tal-opinjoni pubblika maħruġa fil-gazzetti tal-Ħadd filgħodu iwasslu għall-istess konklużjoni. Dik li l-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-elettorat, filwaqt li Adrian Delia kompla jara titnaqqar il-fiduċja fih.
Fil-ġimgħa tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fejn Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista, komplew ikunu negattivi r-riżultat reġa kien wieħed li ta daqqa ta’ ħarta l-kredibbiltà tal-Kap tal-PN. Li saħansitra mhux fdat l-anqas mill-maġġoranza tan-nazzjonalisti.
Għalkemm ippreżentati fi stil differenti l-istħarriġ tal-maltatoday u t-TORĊA jikkonfermaw li l-Partit Laburista għadu qed iżomm pożizzjoni b’saħħitha wkoll.
Fil-konklużjoni tagħha t-TORĊA neħħiet lil dawk li rrifjutaw li jwieġbu jew ma weġbux u hawn ħarġet iċ-ċifra ta’ 66.1% li jafdaw lil Muscat u 32% jafdaw lil Adrian Delia.
Il-Maltatoday tħalli lil dawk li m’għażlu lil ħadd jew li saħansitra jiddikjaraw li m’għandhom fiduċja f’ħadd mill-mexxejja u hawn ukoll il-Prim Ministru jġib l-approvazzjoni tal-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fil-fatt 54.8% jgħidu li jafdaw lil Joseph Muscat u 15.9% lil Delia bil-Kap Nazzjonalista jkompli jnaqqas mill-ftit li kellu. Sinjifikattiv li Delia lanqas ma’ dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvotaw lill-Partit Nazzjonalista ma jgawdi l-fiduċja.
F’kull reġjun tal-pajjiż u fost nies ta’ kull età Muscat huwa iktar fdat.
L-istħarriġ ittieħed f’mument fejn il-Prim Ministru qed ikompli jħabbar u jikseb riżultati importanti għall-pajjiżna, filwaqt li Delia ntefa’ f’burdata ta’ kampanja elettorali fejn spiċċa jikkritika u jkun negattiv fuq kollox.
Intant, il-partit politiċi wkoll kienu analizzati miż-żewġ gazzetti. Bir-riżultati juru li Delia ħa lill-Partit Nazzjonalista lura u mhux ‘il quddiem.
It-Torċa tgħid li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada 60.2% tal-Maltin jivvotaw lill-Partit Laburista u 37.3% lill-Partit Nazzjonalista. Bil-Partit fil-gvern ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu. Dan jeskludi lil dawk li mhux se jivvotaw jew għadhom indeċiżi.
Il-Maltatoday tinnota li l-Partit Nazzjonalista tejjeb xi ftit il-pożizzjoni tiegħu b’27.3% tal-vot. Peró, il-Partit Laburista baqa’ jżomm vantaġġ ta’ 15% bi 42.3% tal-vot. Naqsu dawk li ma jafux lil min se jivvotaw, għalkemm żdiedu dawk li mhux se jivvotaw.
Fl-aħħar ġimgħat kienu kontinwi l-appelli tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat għal kawtela quddiem l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li jkun ippubblikat spiss.
Għall-Ħadd wara ieħor l-Prim Ministru fiehem li bl-aqwa riżultat fl-istorja riċenti, dak tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-partiti jiskbu tliet siġġijiet kull wieħed f’Mejju li ġej.
Filwaqt li dejjem saħaq li l-istħarriġ li jgħodd huwa dak tal-25 ta’ Mejju meta l-poplu Malti jixħet il-vot tiegħu.