Waqt intervent telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista sostna li l-ewwel liġi li se nkunu qegħdin niddiskutu u fiż-żmien ġimgħa, ġimgħatejn inkunu kapaċi nieħdu vot fuqha hija l-liġi dwar żwieġ indaqs u naħseb li l-mod li bih hija miktuba din il-liġi juri li għalina l-ugwaljanza mhux xi ħaġa kosmetika imma hija xi ħaġa ta’ konvinzjoni.
Il-Mexxej Laburista tenna li l-ugwaljanza hija prinċipju għalhekk il-mod ta’ kif qegħdin navviċinaw il-liġi taż-żwieġ indaqs tfisser li sal-llum kellna Unjoni Ċivili li ħa jkollna patt li se jissejjaħ żwieġ. Jien nieħu pjaċir liż-żewġ partiti qablu dwar dan fil-manifesti elettorali tagħhom u allura mhux suppost ikun hawn kontroversja, imma l-mod kif qed inħarsu lejha hija mhux li naqbdu l-liġi tal-Unjoni Ċivili u nbiddlulha isimha, minkejja li kien hemm il-possibiltà, imma hekk konna nispiċċaw b’żewġ liġijiet, waħda għall-koppji mod u l-oħra għall-koppji mod ieħor li allura ma tfissirx li hemm ugwaljanza, minflok se nemendaw l-att dwar l-Unjoni Ċivili se nkunu nemendaw l-att oriġinali taż-żwieġ tal-1975 li tajjeb ngħid li din il-liġi kienet waħda mil-liġijiet il-kbar li għamel Dom Mintoff li dak iż-żmien kienet kontroversja enormi li jkollok liġi taż-żwieġ taċ-ċivil, spjega Dr Muscat filwaqt li saħaq li din il-liġi kienet progressiva mmens u jien kburi ħafna li se nimxu fuqha wara li kien Gvern Laburista li daħħalha u se jkun Gvern Laburista ieħor li se jagħmel l-emendi fuqha biex iż-żwieġ ikun ugwali għal kulħadd.
Din hija prova ta’ kemm dan il-Gvern, dan il-Moviment, li kif għedna tul il-kampanja elettorali, li l-prinċipju tal-ugwaljanza huwa prinċipju bażiku li se nibdew nuruh mill-ewwel ġurnata, stqarr Joseph Muscat. Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għad-diskors li nqara mill-President tar-Repubblika, u sostna li dan kien diskors li bih urejna bħala Gvern li smajna mill-kritika li kien hemm 4 snin ilu.
Malta rose to the occasion għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea
Il-Presidenza Maltija fadlilha ftit jiem biex tintemm formalment iżda l-aħħar Kunsill Ewropew taħt Presidenza Maltija sar din il-ġimgħa spjega l-Mexxej Laburista filwaqt li saħaq kif kull min kien involut f’din il-Presidenza għandu biex ikun verament kburi. Irnexxilna nuru bħala pajjiż kemm kapaċi naslu, kemm kapaċi nimxu ‘l quddiem. Din hija kisba mhux biss tal-Gvern u l-politiċi iżda tal-persuni tekniċi fi Brussel, kisba tan-nies li jaħdmu fid-dipartmenti tal-Gvern, kisba tan-nies li jaħdmu fil-lukandi tagħna, kisba tax-xufiera tat-taxis, kisba ta’ kulħadd, tenna Dr Muscat.
Il-pajjiż rose to the occasion, kemm mil-lat politiku, kemm mil-lat tekniku u anke mil-lat loġistiku urejna u dawk kienu l-kummenti tal-Mexxejja barranin fejn qaluli kif minkejja li Malta huwa l-iżgħar pajjiż, bħala pajjiż urejtu li m’għandkomx inferiority complex u li kapaċi torganizzaw u kapaċi twettqu ħafna aħjar min-numru oħra ta’ pajjiżi. Jien għalhekk kburi b’pajjiżi, għalhekk kburi bil-Maltin u l-Għawdxin kollha li ħadmu fuq dan il-proġett, stqarr il-Prim Ministru filwaqt li rringrazzja b’mod partikolari lil Louis Grech li ħadem ħafna fil-leġislatura li għaddiet, u grazzi wkoll lil nies bħal Marlene Bonnici, Ian Borg u issa Helena Dalli u Aaron Farrugia flimkien mal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kollha tal-leġislatura li għaddiet.
Joseph Muscat sostna li issa rridu nżommu dak kollu li tgħallimna għas-snin li ġejjin, iridu nżommu l-esperjenzi filwaqt li issa bħala pajjiż iridu nħarsu lejn it-target Valletta 18, minkejja li l-preparamenti issa ilhom għaddejjin. Permezz ta’ Valletta 2018 se nuru kemm pajjiżna huwa tabilħaq ikbar mid-daqs tiegħu u se jerġa’ jissorprendi pajjiżi oħra tenna l-Mexxej tal-Partit Laburista. Il-kliem ta’ tifħir ta’ Donald Tusk u Jean-Claude Juncker mhumiex kliem ta’ tifħir lejn Joseph Muscat imma lejn Malta, lejn il-Maltin u l-Għawdxin u jien nieħu pjaċir li għandna persuni barranin li jaraw il-valur ta’ pajjiżna u jitkellmu fuqna b’dan il-mod, temm jgħid Joseph Muscat.