Mistoqsi dwar it-tbassir tal-Ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea, Joseph Muscat innota kif dan qed jgħid li għas-sentejn li ġejjin, Malta se jkollha t-tieni l-ikbar tkabbir fl-Unjoni Ewropea.
“Hija l-Kummissjoni Ewropea li qed tgħid li l-pjan ekonomiku ta’ dan il-Gvern qiegħed jirnexxi u se nkomplu mexjin biex dan ikompli jirnexxi. Ikompli jirnexxi billi noħolqu iktar xogħol, li x-xogħol ikun jista’ jħallas iktar, li n-nies ikun jista’ jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, li neqirdu għal kollox il-faqar, li nżidu l-pensjonijiet u nżidu s-servizzi soċjali. Dawn huma għanijiet li nistgħu nilħquhom jekk l-ekonomija tibqa’ mixja ‘l quddiem,” spjega l-Prim Ministru li żied li dan fl-istess ħin li rridu nifhmu l-isfidi l-ġodda.
Fost oħrajn tkellem dwar il-bżonn li tkun indirizzata l-isfida bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel. “Fis-servizz pubbliku għandna sitwazzjoni prattikament ta’ ugwaljanza, irridu naraw x’inhuma s-sitwazzjonijiet f’setturi oħra li mhux iwasslu għall-ugwaljanza,” qal il-Prim Ministru li rrefera għad-diskussjoni fil-parlament dwar il-liġi tal-ugwaljanza.
Il-Prim Ministru irrefera għal ftehimiet ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea f’każi ta’ immigrazzjoni u żied li l-gvern Malti dejjem josserva l-obbligi internazzjonali tiegħu. “Din il-ġimgħa stess kellna t-tluq ta’ tliet gruppi ta’ immigranti li telqu lejn tliet pajjiżi differenti… irrid infakkar li prattikament aħna l-uniku Gvern fl-Unjoni Ewropea li rnexxielna nagħmlu ftehimiet bħal dawn,” qal Joseph Muscat.
Tkellem ukoll dwar kif f’Għawdex u l-Kottonera l-Gvern wera kif l-investiment mhux biss għal naħa waħda tal-pajjiż. “F’Għawdex hemm lok ta’ investiment teknoloġiku,” qal Joseph Muscat li nnota kif il-fabbrika tal-ħalib inbidlet f’lok li qed jiġbed l-aqwa kumpaniji fis-settur. “Fil-Kottonera urejna kif irridu kif l-iżvikupp ekonomiku u l-iżvilupp soċjali jkunu kumplimentari għal xulxin,” qal il-Prim Ministru li rrefera għal ċerti problemi ambjentali fil-Kottonera li l-gvern irid jindirizza fosthom it-tankijiet ta’ Rikażli.