Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li hemm raġuni għaliex il-gvern jiffoka tant fuq l-ekonomija u sostna li l-każ tal-Actavis huwa prova ta’ dan. Meta kien qed jieħu sehem fil-programm XTRA, Joseph Muscat qal li għal dawk il-200 ħaddiem tal-Actavis li ħadu l-aħbar li jistgħu jitilfu l-impjieg it-tħassib ewlieni tagħhom issa wkoll huwa dan.
Għalkemm sa ftit jiem ilu x’aktarx kien it-traffiku. “Jekk tistaqsihom illum mingħajr dubju jgħidulek li l-impjieg u l-ġejjieni tal-familja. Għalhekk it-tħassib tal-gvern dejjem kien ix-xogħol u li nista’ ngħid hawn hu li se nassiguraw li l-ebda mill-200 impjegat ma jieqaf mix-xogħol sakemm ma jsibx impjieg alternattiv,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif din il-ġimgħa d-De La Rue ħadet id-deċiżjoni li tibqa’ hawn Malta u saħansitra żżid il-ħaddiema.
Għall-mistoqsijiet ta’ Saviour Balzan il-Prim Ministru żvela li l-manifest elettorali li jmiss tal-Partit Laburista se jkun jinkludi pjan maġġuri għall-bidla fis-settur tat-trasport u rrimarka li permezz tiegħu jrid ikun hemm bidla kbira fl-infrastruttura tal-pajjiż u titjieb fil-kwalitá tal-ħajja.
Innota kif f’din il-leġiżlatura kien hemm bidla kbira fil-qasam tal-enerġija hekk irid jiġri fis-settur tat-trasport u l-infrastruttura.
Fl-istess programm, Joseph Muscat ikkonferma kif l-Air Malta għada f’taħdidiet mal-Alitalia u li s-sena d-dieħla għandha tiżdied il-paga minima. Muscat tenna li l-ekonomija hija b’saħħitha biżejjed biex dan isir. “Jekk ma nżidux il-paga minima issa, meta l-ekonomija kibret b’sitta fil-mija, qatt mhu se nżiduha,” qal il-Prim Ministru.