Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jemmen li l-Ewropa trid tinża l-arroganza li għandha, l-idea li tagħha biss tajjeb u l-idea li ħaddieħor huwa ħazin.
F’intervista fuq One Radio tkellem dwar kif ivvota l-poplu tar-Renju Unit meta ddeċieda joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Qal li ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit, iżda żied jgħid: “ma naqbilx ma min jgħid li dawn għamlu xi ħaġa ħazina, li dawn ma jifhmux, li l-Ewropa hija tajba, li l-Ewropa hija perfetta. Mhux vera, l-Ewropa għandha ħafna problemi u għandha ħafna tagħlimiet li għandu jieħu kulħadd.”
https://www.youtube.com/watch?v=mF6LJULCGKo
Il-Prim Ministru qal li ma jaqbilx ma min jgħid li min ivvota għal Brexit huwa injorant, li dawn in-nies ma jafux kif timxi l-Ewropa, li ma jafux kif jimxu l-affarijiet, li vvutaw għax qed jibżgħu għal postijiet tax-xogħol tagħhom jew għax għandhom il-qgħad jew għax hemm l-immigranti.
Dwar l-effetti fuq Malta wara r-referendum tal-Ħamis li għadda, il-Mexxej Laburista tenna li Malta hija preparata u qed taffaċċja din ir-realtà b’kunfidenza għax għandha ekonomija li hija b’saħħitha.
Il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-vjaġġi ta’ pażjenti Maltin lejn sptarijiet fl-Ingilterra mhux se jkunu mibdula, wieħed irid jara l-impatt fuq studenti li jistudjaw hemm wara li jgħaddu dawn is-sentejn u anke l-effett tat-turiżmu hekk kif ħafna Ingliżi ser jaħsbuha aktar biex isiefru minħabba l-valur tal-isterlina. Joseph Muscat stqarr li diġa kien hemm laqgħat mal-Ambaxxatur Ingliz f’Malta u stqarr li r-rabta storiku bejn Malta u r-Renju Unit se tgħin aktar minn qatt qabel għax iż-żewġ pajjiżi se jkollhom bżonn aktar lil xulxin.
https://www.youtube.com/watch?v=4EXYt8FzEqY