• TMIEN REBĦIET ELETTORALI KBAR
• FIĊ-ĊELEBRAZZJONI FUQ IL-FOSOS WIEĠEB B’DISKORS UMLI
• MUSCAT BL-IKBAR DISTAKK TA’ VOTI PERSONALI BEJN ŻEWĠ MEXXEJJA
Analiżi tal-gazzetta KullĦadd turi kif kemm ilu Mexxej Laburista Joseph Muscat għamel tmien rebħiet elettorali fejn il-Partit Laburista u l-moviment li nbena madwaru dejjem kisbu appoġġ ta’ madwar 55% tal-voti bid-differenza fil-persentaġġi mal-Partit Nazzjonalista tvarja bejn l-10% u 15%.
Distakk li huwa wieħed enormi bil-kejl ta’ kif konna drajna jintrebħu l-elezzjonijiet f’Malta. Iktar minn hekk jirriżulta wkoll li Joseph Muscat għandu l-ikbar distakk ma’ mexxej ieħor f’dawk li huma preferenzi personali fl-ewwel għadd. Quddiem dawn ir-riżultati bla preċedent, f’mass meeting biex tkun iċċelebrata r-rebħa tat-3 ta’ Ġunju, Joseph Muscat enfasizza li jrid jibqa’ jservi b’umiltà.
Fil-fatt, rekord ieħor li stabilixxa Joseph Muscat, bħala mexxej ta’ partit politiku, huwa fl-ikbar distakk fil-voti personali bejn il-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin.
Bl-ikbar distakk kien fl-elezzjoni tal-2013 fejn kiseb 14,000 vot iktar minn Lawrence Gonzi. Differenza ta’ 120%.
Dakinhar Muscat ikkontesta t-tieni u r-raba’ distrett elettorali u Lawrence Gonzi kkontesta t-tieni u s-seba’ distrett elettorali. Fl-aħħar elezzjoni d-distakk bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil kien ta’ 32% tal-voti. Busuttil ikkontesta l-11 u t-12 –il distrett, żewġ distrett li ntrebħu mill-Partit Nazzjonalista, filwaqt li Joseph Muscat ikkontesta t-tieni u l-ħames distrett.
Żewġ distretti li l-Partit Laburista rebaħ ukoll. Muscat ġab 6,500 vot iktar tal-ewwel preferenza minn Simon Busuttil. Kien l-eks Prim Ministru Dom Mintoff li kellu l-istess tip ta’ distakk qawwi meta mqabbel mal-avversarju politiku tiegħu George Borg Olivier.
Jekk nagħtu ħarsa lejn ir-riżultati mill-elezzjoni tal-1971 ’il quddiem insibu dawn;
ELEZZJONI ĠENERALI 1971
Dom Mintoff ġab 6,100 vot tal-ewwel preferenza iktar minn George Borg Olivier. Differenza ta’ 51%.
ELEZZJONI ĠENERALI 1976
Dom Mintoff ġab 7,200 vot tal-ewwel preferenza iktar minn George Borg Olivier. Differenza oħra ta’ 51%.
ELEZZJONI ĠENERALI 1981
Dom Mintoff ġab 2,100 tal-ewwel preferenza iktar minn Eddie Fenech Adami. Differenza ta’ 12%.
ELEZZJONI ĠENERALI 1987
Eddie Fenech Adami ġab 1,600 vot iktar minn Karmenu Mifsud Bonnici. Differenza ta’ 9%.
ELEZZJONI ĠENERALI 1992
Hawn wieħed ma setax iqabbel għaliex Eddie Fenech Adami kkontesta żewġ distretti u Karmenu Mifsud Bonnici wieħed biss.
ELEZZJONI ĠENERALI 1996
Eddie Fenech Adami ġab 1,000 vot tal-ewwel preferenza iktar minn Alfred Sant. Differenza ta’ 6%.
ELEZZJONI ĠENERALI 1998
Eddie Fenech Adami ġab 5,500 vot tal-ewwel preferenza iktar minn Alfred Sant. Differenza ta’ 28%.
ELEZZJONI ĠENERALI 2008
Alfred Sant ġab 1,000 vot iktar minn Lawrence Gonzi. Differenza ta’ 6.5%.
ELEZZJONI ĠENERALI 2013
Joseph Muscat ġab 14,000 vot iktar minn Lawrence Gonzi. Differenza ta’ 120%.
ELEZZJONI ĠENERALI 2017
Joseph Muscat ġab 6,500 vot iktar minn Simon Busuttil. Differenza ta’ 32%.