Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura mużew virtwali bl-isem ‘Re-living the Sacra Infermeria‘ f’Dar il-Mediterran. Il-mużew virtwali se jinfetaħ għall-pubbliku mill-20 ta’ Lulju li ġej, u se jkun offrut mingħajr ħlas sal-aħħar ta’ Lulju.
Il-proġett seta’ jkun possibbli bis-sehem ta’ fondi mill-gvern ċentrali, mill-Unjoni Ewropea u dawk li nġabru minn Dar il-Mediterran stess, u jlaħħqu t-€8 miljun.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran, Pierre Fenech, spjega li l-mużew virtwali se jkun aċċessibbli għal kull viżitatur fuq applikjazzjoni li titniżżel fuq il-mobile jew tablet dak il-ħin.
Fl-istess ħin, il-filmati virtwali se jlaqqgħu lill-viżitaturi mal-Gran Mastru De Valette, li hemmhekk se jirrakkonta kif inbniet il-Belt Valletta.
Fenech stqarr li “it-tfal jistgħu jilagħbu permezz ta’ żewġ xeni minn fuq il-bejt jistgħu jmorru lura għal żmien it-Tieni Gwerra jew żmien l-Assedju l-Kbir u kulħadd ikun parti mill-battalji li kienu saru f’dawk iż-żminijiet.”
L-idea għal dan il-mużew nibtet ħames snin ilu hekk kif il-viżitaturi bdew juru x-xewqa li jingħataw iżjed tagħrif dwar il-post. Fenech qal ukoll li t-tmexxija ta’ Dar il-Mediterran ħass li “jkun tajjeb li nagħtu ċans lil ħafna Maltin li forsi hemm minnhom qatt ma ġew hawnhekk, li jesperjenzawha b’xejn. Niftħu nhar it-Tnejn, 20 ta’ Lulju, u sal-aħħar ta’ Lulju d-dħul se jkun b’xejn għal kulħadd.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn huma inizjattivi kruċjali għall-pajjiż. Qal ukoll li dan jorbot mal-viżjoni tal-Gvern li jkollna aktar attrazzjonijiet. Semma kif mużew huwa pont għall-passat u esperjenza edukattiva mill-aqwa għal uliedna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett se jgħinna napprezzaw u nikkonservaw ir-rikkezzi tal-istorja tal-pajjiż filwaqt li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli spjegat kif waqt il-pandemija sar rinovar ta’ din il-binja storika.