Għall-okkażjoni tal-75 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda nħarġet munita kommemorattiva tal-fidda mill-Bank Ċentrali u tqassmet lill-każini tal-baned kollha li huma membri tagħha.
L-għotja lil kull Soċjetà tal-Banda kienet possibbli permezz ta’ għajnuna li ngħatat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.
Waqt din iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli ddeskriviet lis-soċjetajiet tal-baned bħala mezz strumentali biex mhux biss iżommu ħajjin tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin fejn jidħlu festi fl-ibliet u l-irħula tagħna, imma wkoll bħala mezz kulturali fit-tagħlim tal-mużika lit-tfal u żgħażagħ.
Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Baned, irrimarka li filwaqt li l-għaqda fakkret il-75 sena mit-twaqqif tagħha, fakkar li hemm soċjetajiet membri li ilhom imwaqqfin aktar minn 150 sena. Kompla li dan ifisser li s-soċjetajiet tal-baned dejjem kellhom u għad għandhom sehem strumentali kemm fil-ħajja tal-komunitajiet li jkunu ġejjin minnhom kif ukoll fuq bażi nazzjonali.
Huwa rringrazzja lill-Bank Ċentrali li laqa’ t-talba biex issir il-munita kommemorattiva għax għaraf l-importanza tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Baned u fl-istess ħin tas-soċjetajiet tal-baned Maltin u Għawdxin. Huwa rringrazzja wkoll lill-Ministeru li dejjem għaraf l-importanza tal-volontarjat fis-soċjetajiet tal-baned u mill-ewwel laqa’ t-talba biex l-għaqda ngħatat għajnuna li permezz tagħha setgħet titħallas l-ispiża kollha tal-munita kommemorattiva.