Waqt serata fejn kienu mnedija żewġ muniti, waħda kommemorattiva taż-€2 u oħra tal‑fidda, li juru ċ-Ċittadella, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri radd ħajr lill-Bank Ċentrali ta’ Malta talli għażel iċ-Ċittadella bħala belt iffortifikata għal fuq il-munita taż-€2.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/08/25175954/pr241356a-1024x683.jpg)
Il-Ministru Camilleri qal li ċ-Ċittadella hija imfittxija ferm minn kull min iżur Għawdex, u semma x-xogħol biex iċ-Ċittadella terġa’ tikseb il-glorja li jixirqilha.
Dan l-investiment li sar f’dan il-ġojjell kien ukoll apprezzat mill-Unjoni Ewropea fl-2022, fejn ir-restawr u riġenerazzjoni li sar kien rebaħ ir-RegioStars Awards.
Il-Ministru semma kif qed isir kull sforz biex iċ-Ċittadella tkompli titgawda u ssir aktar rikonoxxuta, u dawn iż-żewġ muniti ser ikomplu jgħollu l-prestiġju ta’ din il-belt qadima fil-qalba ta’ Għawdex.
L-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Alexander Demarco qal li kull sena, il-Bank joħroġ żewġ muniti kommemorattivi u bħala pajjiż għandna nkunu kburin bil-patrimonju li nħaddnu, filwaqt li appella biex ikun ppriservat, ikkonservat u mgħoddi lil ta’ warajna.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/08/25180017/pr241356d-1024x682.jpg)