Waqt ċerimonja fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, ippreżenta munita tal-fidda bit-tema ‘Karnival ta’ Malta’ lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fl-okkażjoni tal-Karnival li se jittella’ fix-xahar ta’ Frar 2024.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li l-Karnival huwa avveniment sinifikanti ħafna fil-kalendarju kulturali ta’ Malta u dan mhux biss għaliex għandu sinifikat storiku u patrimonjali, iżda wkoll għaliex għandu dimensjoni ta’ ċelebrazzjoni vivaċi u kontemporanja. Huwa rringrazzja lill-Bank Ċentrali ta’ Malta ta’ dan il-ġest sabiħ li huwa fih innifsu sinjal ta’ apprezzament tal-ħidma ta’ ħafna u ħafna artisti li għandhom passjoni għall-Karnival.
Fil-kummenti tiegħu, il-Gvernatur Scicluna qal li l-Bank għal darb’oħra qed jippreżenta lill-pubbliku munita ġdida li tirrappreżenta aspett tal-wirt kulturali Malti – din id-darba bit-tema tal-‘Karnival ta’ Malta’.
Il-munita, li għandha valur legali ta’ €10, inħadmet mir-Royal Dutch Mint. Hija magħmula fil-fidda 0.925, għandha dijametru ta’ 38.61mm u tiżen 28.28g. Il-kwalità tagħha hija proof-like.
Il-faċċata tal-munita turi figura femminili qed tiżfen liebsa maskra mqabbda fi sfond ta’ disinn ġeometriku jiżboq il-kuluri tal-qawsalla. Il-munita tiġbor fiha l-ferħ, il-gost u l-kulur tal-festi assoċjati mal-Karnival f’Malta. Fuq in-naħa ta’ wara tidher l-arma tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Għall-preżentazzjoni attendew ukoll iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius u d-Direttur Artistiku Jason Busuttil. Preżenti wkoll kien hemm iċ-Chief Officer Banking Operations Benoit Waelkens, flimkien mas-Sur Peter Paul Tabone u s-Sur Melvin Bugeja mill-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet tal-Munita.