Wara sentejn, instabet waħda mit-tfal tal-iskola li nħatfu fin-Niġerja sentejn ilu.
Amina Ali Nkeki, li llum għandha 19-il sena, instabet b’tarbija ta’ erba’ xhur minn grupp li kien qiegħed jgħasses il-foresta Sambisa, qrib il-konfini mal-Kamerun. It-tfajla kienet ma’ raġel li huwa suspettat li huwa membru mill-grupp terrorist Boko Haram. Huwa iddikjara li hu r-raġel tagħha, iżda kien arrestat u ttieħed fil-kapitali Maiduguri. Amina ltaqgħat mill-ġdid ma’ ommha, għalkemm għal żmien qasir, sakemm ittieħdet għal kura medika flimkien mat-tarbija.
Kienu mumenti ta’ ferħ kbir. Kelliem għall-komunità fejn kienet tgħix Amina qal li bdew jitgħanqu b’mod li kellhom iwaqqfuhom. Amina bdiet tikkalma lil ommha, tgħidila li qatt ma basret li se terġa’ taraha. Mument diffiċli segwa eżatt wara, meta l-omm u l-bint kellhom ikunu separati mill-ġdid minħabba eżamijiet mediċi li kellhom isiru bla dewmien.